Sunday, November 24, 2024

“Intom urejtu lir-Russja u lid-dinja li meta poplu jaqbeż għad-drittijiet tiegħu u ta’ pajjiżu, kollox huwa possibbli”

Is-Segretarju għad-Difiża Ingliża, Ben Wallace

Aqra wkoll

Diversi pajjjiżi f’dawn l-aħħar jiem kienu għaddejjin b’ħidma u preparazzjonijiet sabiex ifakkru l-ewwel anniversarju minn meta faqqgħet il-gwerra Russo-Ukrajna. Fosthom, fl-aħħar sigħat, f’Londra saret velja – li għaliha attendew mijiet ta’ nies – bħala solidarjetà mal-poplu Ukren kif ukoll biex ifakkru l-kuraġġ li wrew matul dawn l-aħħar 12-il xahar.

Is-Segretarju għad-Difiża tal-Ingilterra, Ben Wallace, indirizza lill-folla li nġabret fiċ-ċentru ta’ Londra. Huwa fetaħ id-diskors tiegħu billi qal li: “Putin kellu pjanat li f’temp ta’ tliet ġimgħat kien se jkun kapaċi jiddomina l-Ukrajna, jibgħat lill-poplu Ukren f’kampijiet ta’ konċentrament, u eventwalment kien se juża lil pajjiżkom bħala pedina biex jilħaq l-ambizzjonijiet tiegħu”.

“Intom l-Ukreni li qegħdin hawn illum għandkom tkunu kburin bil-kuraġġ li wrejtu bħala poplu Ukren matul l-aggressjoni Russa f’din is-sena ta’ gwerra illegali li pruvat toħnoqilkom id-dritt tal-libertà, id-dritt tad-demokrazija u li kienet ta’ theddida kbira għad-drittijiet umani,” saħaq Wallace. Filwaqt li faħħar il-kuraġġ tal-armata Ukrena, Wallce sostna li l-Ukreni wrew lir-Russja u lid-dinja kollha li meta poplu jaqbeż għad-drittijiet tiegħu u ta’ pajjiżu, kollox huwa possibbli.

Wallace kompla billi wiegħed l-appoġġ tar-Renju Unit sabiex jagħmlu ċert li “Putin ma jerbaħx din il-gwerra,” fejn saħansitra spjega lill-folla li l-Ingilterra matul is-sena li għaddiet provdiet it-taħriġ meħtieġ lil madwar 10,000 suldat Ukren; huwa qal li l-Ingilterra beħsiebha tipprovdi t-taħriġ neċessarju lil 20,000 suldat Ukren oħra.

Kmieni lbieraħ filgħodu, is-Segretarju għad-Difiża Ingliża qal li “Putin mhux beħsiebu jieqaf” u li jista’ jagħti l-każ illi l-gwerra ttul sena oħra.

Sport