Sunday, December 22, 2024

Introdotta l-pjattaforma SpeakTX li se tkompli ssaħħaħ is-servizz ta’ Patoloġija tal-Lingwa Mitkellma

Aqra wkoll

Is-servizz taċ-Ċentru tal-Patoloġija tal-Lingwa Mitkellma qiegħed jiġi msaħħaħ permezz tal-introduzzjoni ta’ pjattaforma SpeakTX. Dan tħabbar fi żjara li għamel il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela flimkien mal-Ambaxxatur Malti għall-Finlandja u l-Estonja Kenneth Vella, f’dan iċ-Ċentru.

Permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Kura tas-Saħħa Primarja u rappreżentanti ta’ SpeakTX mill-Estonja, qed tiġi introdotta din il-pjattaforma interattiva online li se tibda tifforma parti mit-terapija tal-patoloġija tal-lingwa mitkellma. Din l-għodda diġitali se tipprovdi wkoll viżibilità fuq il-progress tal-pazjent irrispettivament minn jekk il-pazjent hux qed juża l-pjattaforma waqt sessjoni f’waħda mill-Kliniċi fil-Komunità jew fiċ-Ċentri tas-Saħħa, jew id-dar.

Ġie spjegat ukoll li wara li s-servizz ta’ Patoloġija tal-Lingwa Mitkellma ġie stabbilit bħala wieħed mis-servizzi ewlenin tal-Kura tas-Saħħa Primarja, qed tkompli titjieb il-kwalità u d-disponibbiltà ta’ dan is-servizz permezz tal-użu tat-teknoloġija.

Il-Ministru Jo Etienne Abela sostna kif din il-kollaborazzjoni ser tkun qed tgħin bosta ċittadini li għandhom problemi bid-diskors. Kompla li din il-pjattaforma diġitali se tgħin ukoll professjonisti f’dan il-qasam biex ikompli jiġi offrut servizz t’eċċellenza.

L-Ambaxxatur Malti Kenneth Vella rringrazzja lir-rappreżentanti mill-Estonja u l-Kura tas-Saħħa Primarja ta’ din il-kollaborazzjoni li ser tkun ta benefiċċju għall-poplu Malti. Qal kif dan il-ftehim jikkonferma r-relazzjonijiet eċċellenti li hemm bejn iż-żewġ pajjiżi u jikkumplimenta wkoll kollaborazzjonijiet oħra anki fil-qasam edukattiv, diplomatiku, kulturali, sportiv u turistiku.

Ekonomija

Sport