Monday, May 20, 2024

Linja ġdida awtomatizzata għall-ħġieġ, bl-użu tal-aħħar teknoloġija, waslet biex titlesta

Aqra wkoll

WasteServ waslet biex tlesti linja ġdida awtomatizzata għall-ħġieġ li kważi se tittripla l-kapaċità tal-ipproċessar eżistenti. Dan huwa pass ieħor sinifikanti ’l quddiem fl-impenn ta’ Malta għal prattiċi sostenibbli fl-immaniġġjar tal-iskart.

Din il-linja, li se tuża teknoloġija avvanzata, tinsab fl-istadji finali tal-ikkummissjonar u  se tkun  tista’ tipproċessa madwar 10 tunnellati ta’ ħġieġ fis-siegħa – ekwivalenti għal 52,500 flixkun kull siegħa. B’hekk WasteServ se tkun qed iżżid il-kapaċità minn 8,000 tunnellata fis-sena għal 21,000 tunnellata.

Akkumpanjata mill-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca, il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli żaret is-sit biex tara l-progress li għaddej fuq l-impjant.

“B’investiment ta’ aktar minn €2.5 miljun, din il-linja ġdida tirrappreżenta pass importanti biex inkomplu nimxu lejn ekonomija ċirkolari. Din il-linja se tkun mhux biss qed iżżid b’mod sinifikanti l-kapaċità tal-ipproċessar minn dik li hemm bħalissa imma se tkun ukoll qed twassal għall-ħġieġ ta’ kwalità superjuri li mbagħad ikun jista’ jinbidel fi prodotti ġodda,” spjegat il-Ministru Dalli.

Din il-linja ġdida se tkun ukoll qed tipproċessa tipi differenti ta’ ħġieġ, inkluż fdalijiet ta’ ħġieġ ċatt, bħal ħġieġ tat-twieqi, biex b’hekk jitnaqqas iktar skart milli jispiċċa fil-miżbla. Permezz  tal-aħħar teknoloġija, inkluż tagħmir ta’ separazzjoni awtomatizzat, din il-linja se tkun qed tneħħi  kontaminati u anke tissepara ħġieġ ċar mill-ħġieġ ikkulurit biex b’hekk il-materjal finali jkun ta’ kwalità għolja.

Il-Kap Eżekuttiv Richard Bilocca spjega li wara dan il-proċess elaborat, il-materjal finali se jkun ‘furnace-ready’. Dan ifisser li l-materjal jista’ jiġi integrat mill-ewwel fil-proċess biex jiġi trasformat fi fliexken u vażetti riċiklati, b’hekk il-manifatturi se jkunu qed jiffrankaw il-ħin.

L-impjant jinsab fil-faċilità ta’ Sant’Antnin f’Marsaskala u jifforma parti mid-deċiżjoni strateġika li jitnaqqas l-operat f’din il-faċilita sabiex madwar 24,000 metru kwadru ta’ art  ikun jista’ jinbidel fi spazju aħdar rikreattiv għall-pubbliku.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport