Monday, May 20, 2024

Mixli li stupraha wara li marret tiġbor iċ-ċurkett tal-għerusija mid-dar tiegħu

Aqra wkoll

Raġel li allegatament stupra lill-eks sieħba meta din marret fl-appartament tiegħu biex tiġbor iċ-ċurkett tal-għerusija wara li r-relazzjoni ta’ bejniethom kienet intemmet, inżamm taħt arrest preventiv wara li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Fil-Qorti nstema’ kif is-Sibt li għadda, il-mara marret tagħmel rapport fl-Għassa ta’ San Ġiljan fejn allegat li l-eks sieħeb tagħha kien stupraha. Intqal li l-koppja kien ilhom f’relazzjoni għal diversi snin iżda għal dawn l-aħħar sitt xhur wara li ħassru baqgħu xorta jiltaqgħu f’xi okkażjonijiet u xi drabi anke wettqu s-sess bil-kunsens taż-żewġ partijiet.

Madankollu, il-Prosekuzzjoni spjegat li dan ma kienx il-każ il-Ġimgħa li għadda. L-allegata vittma marret fl-appartament tiegħu li jinsab San Ġiljan għall-ħabta tas-6.00 a.m. biex tiġbor iċ-ċurkett tal-għerusija, wara li għaddiet l-ammont miftiehem ta’ madwar €400 minn qabel. Meta qaltlu li riedet titlaq mill-post, huwa allegatament qabadha u stupraha.

Ir-raġel, li huwa Norveġiż ta’ 27 sena, wieġeb mhux ħati ta’ sess mhux kunsenswali, li żamm lill-eks sieħba tiegħu kontra l-volontà tagħha, li weġġagħha ħafif, ipprova juża l-forza kontriha, insulentaha u heddidha kif ukoll ikkawżalha biża’ li se tintuża vjolenza kontriha.

Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, bil-prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-istadju bikri tal-proċeduri, in-natura serja tal-akkużi, il-fatt li x-xhud prinċipali għad trid tixhed u anke l-biża’ ta’ intralċ ta’ provi.

L-avukat tiegħu, Franco Debono, irribatta li mhux biss l-akkużat kellu impjieg fiss u li jgħix hawn Malta iżda l-każ ippreżenta verżjonijiet konfliġġenti. L-akkużat allega li l-mara għamlet dak li għamlet wara li rrifjuta li jaraha aktar għax kienet qed “tara irġiel oħra”.

Barra minn hekk, hija kienet xehdet quddiem il-maġistrat inkwerenti u ma setgħetx terġa’ tixhed sakemm ma tkunx awtorizzata mill-qorti.

Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u għaldaqstant inżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit dehru għall-imputat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport