Monday, May 13, 2024

Tiġdid ta’ ċens tal-Każin tas-Soċjetà Filarmonika Sliema

Aqra wkoll

L-Awtorità tal-Artijiet u s-Soċjetà Filarmonika Sliema ffirmaw kuntratt li permezz tiegħu ġġedded iċ-ċens tal-każin tal-istess banda f’Tas-Sliema. Permezz ta’ dan il-kuntratt, din is-soċjetà se tgawdi minn titlu ta’ ċens għall-perjodu ta’ 50 sena. Dan il-każin ilu s-sede ta’ din is-soċjetà għal bosta snin u kien wasal iż-żmien li t-titolu ta’ ċens jiġġedded biex din is-soċjetà tkun tista’ tkompli bil-ħidma tagħha.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi waqt li ppreseda għall-iffirmar ta’ dan il-kuntratt f’okkażjoni li saret fl-istess sede tas-Soċjetà. Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi spjega, “Bħala gvern se nkomplu naraw kif ngħinu diversi għaqdiet inkluż każini tal-baned permezz ta’ proprjetà tal-gvern. Dan huwa mezz b’saħħtu kif inkomplu ninvestu f’dawn l-għaqdiet u nkomplu nkunu ta’ sostenn għall-valur kulturali u soċjali tal-każini tal-baned fid-diversi lokalitajiet f’pajjiżna.” Il-ministru rrikonoxxa x-xogħol siewi li qed tagħmel l-Awtorità tal-Artijiet sabiex tkompli tkun ta’ sostenn għall-għaqdiet volontarji kif ukoll għall-kunsill lokali biex tkompli tissaħħaħ il-ħidma tagħhom fl-ibliet u l-irħula.

Jesmond Vella, il-President tas-Soċjetà Filarmonika Sliema, wera l-apprezzament tiegħu għal dan il-ftehim u spjega li dan se jkun ta’ serħan il-moħħ għall-kumitat u l-membri ta’ din is-soċjetà. “Nilqa’ dan il-ftehim bħala stabbiltà u kontinwità tas-Soċjetà tagħna biex tibqa’ tagħti s-servizz tagħha fil-volontarjat u fit-tagħlim tal-mużika fil-komunità tagħna”, temm jgħid is-Sur Vella.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport