Il-korp tar-referees, il-PGMOL, se jinvestiga wara li Andy Robertson ta’ Liverpool deher li ngħata daqqa ta’ minkeb f’geddumu mill-assistent referee, Constantine Hatzidakis.
Robertson avviċina lill-uffiċjal b’rabja fi tmiem l-ewwel taqsima kontra Arsenal u deher jimbuttah hekk kif kien għaddej, b’Hatzidakis jgħolli minkeb li laqat lil Robertson.
L-Iskoċċiż irreaġixxa b’mod furjuż u, flimkien ma’ diversi sħabu, avviċina lir-referee Paul Tierney, li ammonixxa lil Robertson, 29 sena.
Il-logħba f’Anfield intemmet 2-2 b’Liverpool jirkupraw minn 2-0 minn taħt biex kisbu d-draw mal-leaders tal-kampjonat.
L-eks attakkant tal-Premier League, Chris Sutton, kien qed isegwi l-logħba għal BBC Radio 5 Live u jaħseb li Hatzidakis għandu jiġi kkastigat.
“Verament ma nafx x’kien qed jaħseb. Safejn nista’ nara, irid jiġi pprojbit,” qal Sutton. “Se jkollu joqgħod barra għadd ta’ logħbiet. Ma nistax niftakar inċident ieħor bħal dan. Fejn hu l-preċedent għal dawn l-affarijiet?”
L-opinjonista ta’ Sky Sports, Roy Keane, sejjaħ lill-player tar-Reds bħala “tarbija kbira” għar-reazzjoni tiegħu.
“Robertson għandu jkun aktar inkwetat dwar id-difiża tiegħu,” qal Keane. “Sempliċement għandu jkompli bil-logħba. Huwa qabad lil-linesman l-ewwel.”
Robertson jista’ jkun fl-inkwiet jekk l-inċident jiġi investigat aktar. Aleksandar Mitrovic ta’ Fulham bħalissa qed jiskonta projbizzjoni ta’ tmien logħbiet talli mbotta lir-referee Chris Kavanagh fit-telfa tal-FA Cup kontra Manchester United fid-19 ta’ Marzu.
Sutton żied jgħid: “Punt kbir ta’ dibattitu kien Mitrovic u l-projbizzjoni ta’ tmien logħbiet u l-FA trid li jiġi pprojbit għal aktar iżda ma jistax ikollok assistenti jitfgħu l-minkbejn. X’għandha tkun il-piena?”
L-istqarrija tal-PGMOL qalet li kienet “konxja ta’ inċident li jinvolvi lill-assistent referee Constantine Hatzidakis u lid-difensur ta’ Liverpool, Andrew Robertson, fil-mistrieħ waqt il-partita bejn Liverpool u Arsenal f’Anfield”, u żiedet li se “tirrevedi l-kwistjoni b’mod sħiħ”.