Monday, May 13, 2024

Investigazzjoni dwar għejbien ta’ mara waqt vjaġġ mas-sieħeb tagħha

Aqra wkoll

L-awtoritajiet tal-Istati Uniti jinsabu għaddejjin bi tfittxijiet intensivi għal mara minn Florida li għebet waqt vjaġġ li għamlet mas-sieħeb tagħha. Gabrielle Petito, ta’ 22 sena, ilha mill-aħħar t’Awwissu ma tagħmel kuntatt mal-familja tagħha, sewwasew minn meta hija kienet marret fuq vjaġġ bil-karozza mas-sieħeb tagħha ġewwa Wyoming. 

Il-pulizija qalu li s-sieħeb tagħha – Brian Laundrie ta’ 23 sena – irritorna lura d-dar u qiegħed jiġi meqjus bħala persuna ta’ interess. Din il-koppja kienu qegħdin jiddokumentaw dan il-vjaġġ tagħhom bil-campervan fuq youtube taħt l-isem ta’ Nomadic Statik. Laundrie rritorna lura lejn daru fl-1 ta’ Settembru, u l-familjari ta’ Petito rrapportaw lil binthom bħala nieqsa għaxart ijiem wara. Il-pulizija qegħdin jgħidu li Laundrie qiegħed jirrifjuta li jitkellem mal-pulizija dwar l-għejbien tas-sieħba tiegħu. 

Il-pulizija ta’ North Port qalu li, “aħna qegħdin nitolbu lil kulħadd – inkluż lil Brian – biex kull min għandu xi informazzjoni jaqsamha mal-pulizija.” Huma tennew li, “in-nuqqas ta’ informazzjoni min-naħa ta’ Brain qiegħda xxekkel l-investigazzjoni. L-informazzjoni se toħroġ fil-beraħ.” Min-naħa tiegħu, l-avukat ta’ Laundrie ddefenda s-silenzju tal-klijent tiegħu. Hu qal li mill-esperjenza tiegħu l-persuna l-iktar intima tkun l-ewwel li tispiċċa taħt il-lenti tal-pulizija. Huwa tenna li d-dikjarazzjoni li “kull kelma li tgħid tista’ tintuża kontrik” hija vera, anke jekk il-klijent tiegħu ma kellu x’jaqsam xejn mal-għejbien ta’ Petito. Hu għalhekk li Laundrie, fuq il-parir tal-avukat, qiegħed jagħżel li ma jitkellimx mal-pulizija. 

Ġimagħtejn qabel Petito għebet, il-pulizija ta’ Utah kienu msejħin fuq inċident li kien jinvolvi koppja. Meta marru fuq il-post huma sabu lil Petito mbikkma u tilmenta dwar l-istat ta’ saħħa mentali tagħha. Il-pulizija ma kienu ressqu l-ebda akkużi. Fil-preżent tinsab għaddejja investigazzjoni fuq il-vettura li kienu qed jużaw il-kopp­ja.  

Sport