Il-kelma investiment għandha tifsira preċiża. Tirreferi għal dawk il-fondi li jintefqu fuq materjal, tagħmir u tħejjija teknoloġika li minnhom jinbnew proġetti maħsuba biex fil-futur iservu ta’ infrastruttura (bħal toroq, ġibjuni tal-ilma…). Inkella biex iservu bħala impriżi li minnhom jinħoloq il-ġid, bħal meta jiġu manifatturati oġġetti għall-bejgħ minn ħaddiema impjegati f’ħidma li matul is-snin, tagħmel profitti biex jagħmlu tajjeb għall-fondi li nħarġu bħala investiment.
Dawn il-fondi jinħassu bħala pagament qawwi tal-bidu, ta’ darba, li jitrendew lura aktar ’il quddiem, sena wara l-oħra.Kull gvern jagħmel investimenti kbar, f’das-sens. Biss wieħed jinnota kif dan l-aħħar il-kelma investiment qed tintuża b’mod aktar wiesa’. Żieda fil-pagi tal-ħaddiema tal-gvern qed tissejjaħ “investiment”. Żidiet fil-benefiċċji soċjali l-istess. Jintużaw kliem bħal investiment fin-nies, fis-solidarjetà jew ma nafx fhiex.
Siewja u ammirevoli kemm huma dawn l-inizjattivi, ma nifhimx għalfejn għandna nikkonfonduhom mal-investimenti li ukoll għandhom funzjoni essenzjali imma differenti fit-tmexxija tal-pajjiż.
ĠURNALIŻMU “TAL-PARTITI”
Fil-premjazzjoni għall-aħjar ġurnaliżmu, dis-sena wkoll, l-ebda rappreżentant tal-ġurnaliżmu tal-partiti ma kien fost ir-rebbieħa.
Se jintqal li din ħaġa ta’ min jistenniha għax il-ġurnalisti impjegati mill-istazzjonijiet u l-gazzetti tal-partiti ma jirrapportawx l-“aħbarijiet” imma jxandru l-“propaganda”. Fost l-aktar li jxerrdu dil-fehma naturalment insibu l-ġurnalisti li mhumiex impjegati f’dal-qasam. U jiġu żminijiet meta l-ġurnaliżmu “tal-partit” ikun iffokat aktar fuq messaġġ politiku issettjat “minn fuq” minn kull ħaġ’oħra.
Ma naqbilx li bilfors jiġri hekk. Ġurnaliżmu “tal-partit” jista’ u għandu jkun siewi billi waqt li b’mod fattwali, iwassal aħbarijiet u informazzjoni miġbura mill-firxa kollha tal-ħajja nazzjonali, jagħti importanza iva – dejjem ukoll b’mod fattwali – lil rapporti li jkunu ta’ interess għall-partit u li ħaddieħor ikollu kull interess jidfen jew ixellef.
KOLLHA BI TBAGĦBIS?
Fil-Georgja, fil-Moldova, fir-Rumanija elezzjonijiet li saru taw vantaġġ b’mod jew ieħor lil partiti jew persuni li ma jxaqilbux lejn l-Unjoni Ewropea jew ma jxaqilbux daqstant. Fl-Unjoni, dil-ħaġa qanqlet skantament kbir. Fit-tliet każi qamu allegazzjonijiet li r-riżultati ġew hekk għax sar indħil massiċċ minn barra.
M’għandi l-ebda simpatija ma’ min rebaħ jew mar tajjeb f’dawn l-elezzjonijiet. Lest nemmen li seħħ indħil minn barra, għalkemm ma jkolli l-ebda dubju dwar kif indħil bħal dan sar kemm mil-“lvant” u kemm mil-“punent”. Nifhem ukoll li fil-pajjiżi konċernati hemm movimenti popolari qawwija “favur” u b’xi mod “kontra” l-Unjoni Ewropea.
Li ma nifhimx hu kif dejjem, l-iskantament u l-indinjazzjoni jqumu fl-Unjoni Ewropea meta r-riżultati elettorali ma jmorrux kif mistennija fi Brussell. Fil-każi kuntrarji, kollox żgur ikun sar kif suppost!