Fid-dawl tat-temp ikrah li għamel f’dawn l-aħħar jiem, li kawża t’hekk kellhom jiġu kkanċellati xi attivitajiet marbuta mal-Karnival, il-Prim Ministru Robert Abela dalgħodu żar lis-sidien u d-dilettanti li bnew il-karrijiet li minħabba t-temp kellhom jibqgħu weqfin fil-Foss ta’ San Ġakbu.
Dan il-ġurnal, li nzerta kien fuq il-post, ħataf l-okkażjoni biex jieħu l-kummenti tal-Prim Ministru li qal li l-kwalità għolja tal-karrijiet din is-sena dehret ħafna u anke l-kostumi ntlaqgħu b’mod pożittiv min-nies. Huwa nnota li fil-Karnival sar ħafna investiment u l-Gvern se jkompli jara fuq kif ikompli jinvesti fl-oqsma tal-arti u l-kultura.
Il-Prim Ministru fakkar li filwaqt li 10 snin ilu l-investiment kien ta’ 32 miljun ewro illum dan tela’ għal 125 miljun ewro fis-sena. Madanakollu saħaq li jrid ikun investiment akbar għax wara kollox din hija ċelebrazzjoni li tiddefenixxi l-identità Maltija.
Mistoqsi dwar il-maltemp u kif dan affettwa l-Karnival, il-Prim Ministru sostna li ħafna qalu li l-maltemp ma għenx anzi għamel ċertu ħsarat li kienu qed jiġu msewwija. “Però dan huwa ż-żmien tal-Karnival. Tħadditna wkoll jekk hemmx l-idea li jiċċaqlaq iż-żmien tal-Karnival, iżda din eskludewha kompletament,” tenna Dr Abela.
“Dan huwa ż-żmien tradizzjonali u jrid jibqa’ żmien tradizzjonali. Hi sfida li trid tikkumbatti magħha. Però kulħadd mimli kuraġġ biex il-ħsarat jissewwew u nibqgħu għaddejjin biċ-ċelebrazzjonijiet,” temm jgħid il-Prim Ministru.

