Investiment biex iż-żgħażagħ Għawdxin jitħarrġu fil-motor trials

Aqra wkoll

Żgħażagħ Għawdxin se jkollhom opportunità ġdida biex jitgħallmu d-dixxiplina tal-motor trials permezz ta’ proġett tal-Gozo Motocross Association, li ngħata €5,000 f’finanzjament mill-iskema Small Initiatives Scheme (SIS) tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS).

Il-proġett, bl-isem “Motor Trials – I Can Balance It Too!”, ġie ppreżentat waqt żjara li l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri għamlu fil-faċilitajiet ta’ din l-għaqda f’Għawdex.

Din l-inizjattiva se tkun parti mill-GMA Junior Academy u se tintroduċi taħriġ u kompetizzjonijiet tal-motor trials għat-tfal u ż-żgħażagħ. Il-proġett huwa mmirat b’mod partikolari lejn dawk li għandhom passjoni għall-muturi iżda jippreferu dixxiplina teknika, ibbażata fuq il-bilanċ, il-preċiżjoni u l-kontroll, minflok fuq il-veloċità. Permezz tal-għotja, l-assoċjazzjoni se tinvesti f’muturi elettriċi tat-trials, biex tkun tista’ tibda toffri din id-dixxiplina ġdida fi ħdan l-akkademja tagħha. It-taħriġ se jkun miftuħ għal studenti b’livelli differenti ta’ abbiltà u esperjenza.

Il-Ministru Julia Farrugia spjegat li, “Permezz ta’ dan l-investiment qegħdin noħolqu opportunità oħra biex aktar tfal u żgħażagħ isibu attività li taqbel mal-ħiliet u mal-interessi tagħhom. Il-motor trials mhux biss jgħallem il-kontroll tal-mutur, iżda jsaħħaħ il-konċentrazzjoni, id-dixxiplina, ir-reżiljenza u l-fiduċja fihom infushom. Dan huwa eżempju ieħor ta’ kemm il-ħidma bejn il-Gvern u l-għaqdiet volontarji tista’ twassal għal inizjattivi konkreti li jilħqu realtajiet u interessi differenti. L-għaqdiet għandhom l-għarfien u l-esperjenza fil-komunitajiet tagħhom, filwaqt li l-Gvern jipprovdilhom is-sostenn biex ideat tajbin jinbidlu f’opportunitajiet reali għat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna.”


Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li, “Qegħdin inniedu żewġ muturi li ser ikunu jistgħu jintużaw minn żgħażagħ u tfal li jkunu qed jersqu lejn dan l-isport. U dan qegħdin nagħmluh sabiex dawk li għadhom forsi qed jitħajru jidħlu, ikollhom l-opportunità li jagħmlu dan mingħajr ma ovvjament iridu jagħmlu spiża kapitali inizjali għal tali muturi. Din hija inizjattiva importanti sabiex nibqgħu nkattru l-interess f’dan l-isport li huwa wkoll popolari fil-gżira t’Għawdex. Ovvjament, il-Gvern ser jibqa’ jgħin sabiex inizjattivi sportivi jibqgħu jingħataw prijorità kif ser nagħmlu wkoll minn hawn u ftit tax-xhur oħra fejn grupp ta’ Għawdxin, dilettanti u sportivi tal-Motocross ser ikunu wkoll qed jagħmlu t-training tagħhom fi Sqallija. Ser nibqgħu ovvjament ngħinu lill-isportivi Għawdxin sabiex jipprogressaw fid-dixxiplini rispettivi.”

Il-programm se jħeġġeġ ukoll stil ta’ ħajja attiv filwaqt li jgħin lill-parteċipanti jiżviluppaw il-koordinazzjoni, is-saħħa fiżika u r-reżistenza. L-enfasi se tkun fuq il-progress personali u l-kisba ta’ ħiliet ġodda, u mhux biss fuq ir-riżultati fil-kompetizzjonijiet.

Rappreżentant tal-Gozo Motocross Association spjega li din l-inizjattiva se twessa’ l-ħidma tal-GMA Junior Academy u tilħaq żgħażagħ li mhux neċessarjament jinġibdu lejn it-tlielaq b’veloċità għolja. Permezz tat-taħriġ, il-mentoraġġ u l-inkoraġġiment bejn il-parteċipanti, l-għaqda se tkompli tibni komunità ta’ riders responsabbli, kunfidenti u passjonati.


F’kumment waqt iż-żjara, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS), Mauro Pace Parascandalo, qal li, “Dan huwa proġett ieħor li qed nieħu gost narawh jieħu l-ħajja permezz tal-fondi tal-MCVS. B’hekk inkomplu bl-impenn tagħna sabiex insaħħu l-ħidma tal-organizzazzjonijiet volontarji ħalli jkomplu jagħmlu differenza pożittiva fil-komunità, f’dan il-każ permezz ta’ dan l-isport.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport