Investiment biex l-istudenti jgawdu minn ambjent edukattiv aktar modern, sigur u attrezzat

Aqra wkoll

L-istudenti tal-Iskola Primarja tax-Xgħajra, fi ħdan il-Kulleġġ Santa Margerita, issa għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom spazji ġodda u mtejba għall-isport, it-tagħlim u r-rikreazzjoni, wara investiment fit-tisbiħ u l-iżvilupp tal-ambjent ta’ barra tal-iskola.

Dawn l-ispazji ġew inawgurati mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri, flimkien mal-Kap tal-Iskola, fil-preżenza tal-istudenti. Matul iż-żjara tiegħu, il-Ministru kellu l-opportunità jara mill-qrib il-faċilitajiet ġodda li se jkunu qed jintużaw mill-istudenti u l-edukaturi.

Il-proġett biddel żona li qabel kienet fi stat ta’ deterjorament f’ambjent modern u sigur, b’faċilitajiet li joffru aktar opportunitajiet għat-tagħlim u l-attività fiżika. Fost ix-xogħlijiet li saru hemm il-bini ta’ grawnd sportiv li jista’ jintuża għal diversi dixxiplini, fosthom il-basketball, il-volleyball u t-tennis, kif ukoll żona b’ħaxix artifiċjali għall-futbol u l-logħob, u korsa għall-ġiri.

“Dan huwa investiment dirett fl-istudenti tagħna u fl-esperjenza edukattiva tagħhom. Irridu li kull skola tkun ambjent fejn it-tfal mhux biss jitgħallmu fil-klassi, iżda jkollhom ukoll spazji fejn jistgħu jilagħbu, jipprattikaw l-isport, jesploraw u jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom. Illum qed naraw kif żona li qabel ma setgħetx tintuża kif suppost inbidlet fi spazju li joffri opportunitajiet ġodda lill-istudenti u lill-edukaturi. Bħala Gvern, se nkomplu ninvestu fl-infrastruttura edukattiva biex l-iskejjel tagħna jkunu dejjem aktar siguri, moderni u adattati għall-ħtiġijiet tat-tfal. Għalina, edukazzjoni ta’ kwalità tfisser ukoll ambjent li jgħin lil kull student jikber, jitgħallem u jiżviluppa l-potenzjal tiegħu,” qal il-Ministru Camilleri.

Il-Kap tal-Iskola Primarja tax-Xgħajra, Valerie Caruana, qalet, “Għalina huwa ta’ sodisfazzjon kbir li llum għandna bitħa ġdida, moderna, attrezzata u sigura. Ninsabu ħerqana li naraw lit-tfal tal-iskola tagħna tax-Xgħajra, jibdew jużaw dawn l-ispazji b’mod regolari u jieħdu gost bl-attivitajiet differenti li jistgħu jsiru fihom. Filwaqt li t-tfal iħossuhom milqugħa bħala, kuntenti u parti minn familja waħda, f’dan l-ambjent mill-isbaħ.”

Kairyon Borg, student fl-iskola, qal, “Napprezza li issa għandna bitħa ġdida u ħerqan li nagħmel il-lezzjonijiet tal-PE mal-ħbieb tiegħi u nieħu gost nuża dan l-ispazju ġdid u ngawduha.”

Fost il-faċilitajiet ġodda hemm ukoll teatru fil-beraħ, li se jintuża għal attivitajiet edukattivi, kulturali u rappreżentazzjonijiet mill-istudenti, kif ukoll għal-laqgħat u attivitajiet li jinvolvu lill-ġenituri u lill-komunità tal-iskola.

Inħolqu wkoll spazji apposta għat-tagħlim barra mill-klassi, fosthom żona għall-qari u attivitajiet fi gruppi żgħar, ġnien tal-ħxejjex aromatiċi u żona għall-pikniks li tista’ tintuża wkoll għal lezzjonijiet u attivitajiet kreattivi. Ġiet żviluppata wkoll għadira edukattiva, b’elementi tal-arkitettura tradizzjonali Maltija, li se tagħti lill-istudenti opportunitajiet biex jitgħallmu dwar l-ambjent, ir-responsabbiltà u l-ħarsien tal-ħlejjaq ħajjin.

Il-proġett jinkludi wkoll korsa għaċ-ċikliżmu, b’sinjali tat-traffiku u pedestrian crossings, biex it-tfal ikunu jistgħu jitgħallmu dwar is-sigurtà fit-toroq f’ambjent ikkontrollat. Fl-ispazji ta’ barra ġew introdotti wkoll diversi logħob mal-art, fosthom logħob tradizzjonali Malti, bil-għan li jissaħħu l-koordinazzjoni, il-bilanċ u l-interazzjoni bejn l-istudenti.

Minbarra l-faċilitajiet ġodda, saru xogħlijiet estensivi biex titjieb is-sigurtà tal-iskola. Dawn inkludew il-bini mill-ġdid tal-ħajt tal-konfini, l-invellar tal-art, sistemi ġodda għad-drenaġġ tal-ilma tax-xita, titjib fid-daħla tal-iskola u xogħlijiet ta’ tisbiħ fil-faċċati u l-madwar. Ingħatat ukoll attenzjoni lill-ambjent naturali, fosthom permezz tal-preservazzjoni ta’ siġra tal-għargħar li ġiet integrata fid-disinn tal-ispazju.

Il-proġett, li x-xogħlijiet tiegħu twettqu permezz tal-Programm ta’ EDU Infrastructure, jagħmel parti mill-ħidma biex l-infrastruttura edukattiva tkompli tiġi modernizzata u adattata għall-ħtiġijiet tal-komunitajiet skolastiċi. Għall-Iskola Primarja tax-Xgħajra qed jiġu kkunsidrati wkoll żviluppi oħra għall-futur, fosthom titjib fil-provvista tal-elettriku li jkun jista’ jappoġġja l-installazzjoni ta’ sistemi tal-arja kundizzjonata u pannelli fotovoltajċi, kif ukoll espansjoni possibbli tal-faċilitajiet tal-iskola.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport