“Illum hija ġurnata importanti. Illum se jintemm perjodu ta’ inċertezza. Inċertezza dwar l-impjieg tagħkom, il-paga tagħkom u l-futur tagħkom. Sofrejtu intom, il-familji tagħkom. Iżda llum se tibdew kapitlu ġdid. Kapitlu mibni fuq stabbiltà, investiment u kunfidenza fil-futur ta’ pajjiżna. Huwa f’mumenti bħal dawn li trid Gvern li jisimgħek, jappoġġjak u fuq kollox joffrilek soluzzjoni.”

Kien dan il-messaġġ ewlieni li għadda l-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri lill-ħaddiema ta’ Aviation Cosmetics waqt l-iffirmar tal-ftehim li permezz tiegħu International Aerospace Coatings (IAC) – kumpanija ewlenija globali li tispeċjalizza f’servizzi ta’ żebgħa tal-ajruplani – se tieħu f’idejha l-operat, iżżomm l-impjegati kollha u tagħmel tajjeb għad-djun li kellha l-kumpanija ta’ qabel. Dan filwaqt li se tinvesti aktar biex ittejjeb il-faċilità u b’dan il-mod jinħolqu iżjed opportunitajiet ta’ xogħol.
F’kummenti ma’ L-Orizzont, il-Ministru Schembri spjega kif lura fl-2012, il-kumpanija Aviation Cosmetics kienet bdiet topera f’pajjiżna però falliet u ma kinitx qiegħda tħallas il-pagi. Qal li sal-mill-bidu nett huwa kien ta kelma lill-ħaddiema li se jitħallsu l-pagi dovuti lilhom, li mhux se jitħallew waħedhom u li l-Gvern se jara li jġib investiment ieħor sabiex jingħataw serħan il-moħħ fil-futur.

“Il-kelma tiegħi żammejtha. Il-pagi tħallsu mill-flus tal-operatur u ġibna investiment dirett barrani – l-akbar kumpanija fid-dinja li taħdem f’dan is-settur. Issa se tieħu mhux biss l-operat kollu tal-kumpanija imma se tinvesti biex minn 60 ħaddiem iżżidhom għal 90. Allura aktar opportunitajiet għall-istess ħaddiema biex ikomplu javvanzaw,” qal il-Ministru Schembri.
Tenna li f’mument bħal dawn tapprezza s-serjetà, li jkollok nies jafu x’qed jagħmlu fit-tmexxija sabiex minn sfida, noħolqu opportunità u hekk fil-fatt sar. Dan l-investiment huwa wkoll konformi mal-Viżjoni Malta 2050 u jsaħħaħ l-impenn tal-Gvern għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u ta’ kwalità.

Il-Ministru Schembri temm billi rringrazzja wkoll lil dawk kollha li kienu involuti fid-diskussjonijiet u n-negozjati fosthom il-General Workers’ Union, INDIS, Malta Enterprise u l-operaturi l-ġodda IAC.
Il-Kap Eżekuttiv tal-IAC Martin O’Connell esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li l-kumpanija qiegħda tespandi l-operat tagħha f’Malta. Huwa spjega li biex wasalna għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kien hemm bżonn ta’ diskussjonijiet twal u intensivi iżda issa qal li jħares ’il quddiem għal din il-ħidma ġdida f’pajjiżna.
Sadanittant, b’rabta ma’ dan il-ftehim, L-Orizzont ħa wkoll il-kummenti tas-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja li qal li wara xahrejn ta’ inċertezza u qtigħ il-qalb, fejn il-GWU kienet ukoll daħlet tirrappreżenta lill-ħaddiema tal-Aviation Cosmetics wara li kien ilhom xahrejn ma jieħdu l-paga, illum qed naraw il-frott tal-ħidma li għamilna bħala GWU flimkien mal-Gvern biex assigurajna mhux biss l-impjieg ta’ dawn il-ħaddiema imma futur mill-isbaħ għalihom.
“Fil-fatt, se jidħlu sidien ġodda f’dawn iż-żewġ hangars il-kbar. Din hi waħda mill-akbar kumpaniji fid-dinja f’dan s-settur. Investiment dirett barrani li mhux biss qed jiggarantixxi l-impjieg ta’ dawn il-ħaddiema imma wkoll tkabbir ekonomiku u karrieri fit-tul,” tenna s-Segretarju Ġenerali tal-GWU.
Preżenti għall-iffirmar f’isem il-GWU kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali (Designate) Kevin Camilleri, il-President Jason Deguara, id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Abela u s-Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni Jurgen Azzopardi.

