Malta se tkompli timbotta favur it-tisħiħ u l-investiment f’enerġija nadifa b’interkonnettività mhux biss bejn pajjiżi Ewropej iżda anki fil-Mediterran, fosthom ma’ pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq. Dan kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa li saret bħala parti mit-tieni Summit tal-Komunità Politika Ewropea li sar ftit ’il barra mill-kapitali tal-Moldova, Chișinău.
Għas-Summit attendew aktar minn erbgħin mexxej ta’ pajjiżi Ewropej u għal-laqgħa dwar l-enerġija u l-konnettività, li fiha pparteċipat Malta, kien hemm bosta mexxejja ta’ pajjiżi oħra li pparteċipaw, fosthom tal-Italja, l-Irlanda, Ċipru u l-Kummissjoni Ewropea. Il-Prim Ministru Malti sostna li bl-investiment f’aktar konnettività fil-qasam tal-enerġija nadifa, ir-reġjun tal-Mediterran ikompli jilħaq il-potenzjal fl-enerġija rinnovabbli u dan ikun ta’ benefiċċju għall-popli tal-Ewropa, inkluż dawk tal-pajjiżi fil-Mediterran.
“Ir-reġjun tal-Mediterran għandu l-opportunità li jkun ċentru ta’ enerġija nadifa u jixpruna l-impenn tal-Unjoni Ewropea favur is-sostenibbiltà,” irrimarka l-Prim Ministru mal-mexxejja Ewropej hu u jinnota dak maqbul f’Malta aktar kmieni x-xahar li għadda waqt laqgħa tal-Med 9 bejn il-Ministri tal-Enerġija tal-Istati Membri fil-Mediterran.
Fil-kuntest tal-insularità ta’ Malta, il-Prim Ministru Abela nnota kif l-industrija marittima hija waħda importanti mhux biss għal pajjiż bħal Malta iżda anki rrimarka li affarijiet li għaddiet minnhom id-dinja riċentement juru kemm din l-industrija tibqa’ kruċjali għat-trasport tal-merkanzija fost oħrajn. Il-Prim Ministru żied jisħaq li għandu jsir sforz qawwi biex negħlbu iżjed ostakli u burokraziji fil-portijiet biex nassiguraw li l-kontinent Ewropew jibqa’ jkollu industrija marittima b’saħħitha u effikaċi li ma tħallihx jiddependi fuq ħaddieħor. Dr Abela sostna li setturi bħal dak marittimu għandhom jibqgħu jikbru iżda wkoll iżidu fl-effiċjenza tagħhom billi jgħaddu mill-qalba l-ħadra.
Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-interkonnettività teħtieġ impenn kollettiv mill-pajjiżi Ewropej fosthom b’finanzjament li mhux biss jista’ jsir mill-gvernijiet tal-pajjiżi rispettivi iżda anki minn istituzzjonijiet internazzjonali u anki bis-sehem tas-settur privat, li għandu jkun sieħeb strateġiku fi proġetti marbuta mal-enerġija rinnovabbli.
F’diskussjonijiet oħra li l-Prim Ministru Robert Abela kellu mal-mexxejja Ewropej fis-Summit, tkellem dwar l-immigrazzjoni u tenna l-pożizzjoni ta’ Malta favur sforz magħqud kontra t-traffikar uman. Innota kif it-traffikanti tal-bnedmin qed ikomplu jorganizzaw irwieħhom u jkunu ta’ sfida għall-awtoritajiet u għalhekk jeħtieġ impenn magħqud biex jiġu salvati persuni li jispiċċaw vittmi tat-traffikanti. Dr Abela nnota wkoll kif il-Laqgħa tal-Komunità Politika Ewropea qed tkompli ssaħħaħ id-djalogu u l-koperazzjoni bejn il-pajjiżi Ewropej, mhux biss bejn dawk l-istati membri sħaħ tal-Unjoni Ewropea.