Wednesday, December 25, 2024

Investiment fil-flotta tal-ambulanzi fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex

Aqra wkoll

Ikompli l-investiment fis-settur tas-saħħa f’Għawdex permezz ta’ investiment ta’ ’l fuq minn €7 miljun f’ambulanzi ġodda fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Dan tħabbar mill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.

Ġie spjegat kif l-aħħar investiment fl-ambulanzi jmur lura għal numru ta’ snin u għalhekk inħass il-bżonn li Għawdex jkun mgħammar b’numru t’ambulanzi ġodda li jaqdu l-bżonnijiet tal-Għawdxin. L-ambulanzi l-ġodda tal-emerġenza huma konformi mal-istandards tas-sikurezza li jtejbu l-kwalità ġenerali tas-servizz u jiżguraw is-sikurezza għall-persunal u l-pazjenti. 

Il-Ministru Jo Etienne Abela spjega kif bil-wasla tal-ewwel żewġ ambulanzi minn sitta, Għawdex issa ser ikun mgħammar b’ambulanzi tal-ogħla kwalità li huma mgħammra b’teknoloġija medika avvanzata, li huma essenzjali biex jipprovdu kura ta’ kwalità.

Huwa saħaq kif l-aħħar għodod u provvisti mediċi li jinsabu fl-ambulanzi  jistgħu jtejbu b’mod sinifikanti l-kura tal-pazjenti matul sitwazzjonijiet kritiċi. Is-sistemi avvanzati ta’ appoġġ għall-ħajja, id-defibrillaturi, u t-tagħmir ta’ monitoraġġ, huma kruċjali biex il-pazjenti jiġu stabbilizzati waqt li jitwasslu fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. 

Il-ministru kompla jispjega kif ambulanzi bħal dawn għandhom ukoll sistemi ta’ komunikazzjoni avvanzati li jippermettu koordinazzjoni aħjar mal-kmamar tal-kontroll tal-ambulanzi, sptarijiet, u servizzi oħra ta’ emerġenza. Dan jiżgura li jkun hemm immaniġġjar aħjar f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Barra minn hekk, huma ddisinjati b’materjali u karatteristiċi li jtejbu l-kontroll tal-infezzjoni, li huwa speċjalment importanti fil-kuntest ta’ pandemiji u mard li jittieħed.

“Dan l-investiment ikompli juri l-ħidma li l-gvern qed jagħmel favur is-settur tas-saħħa f’Għawdex,” temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.

Ekonomija

Sport