Wednesday, July 24, 2024

French Open: Novak Djokovic jirtira minħabba injury fl-irkoppa

Aqra wkoll

Għal darb’oħra ċ-champion renjanti, Novak Djokovic, wera l-poteri supremi tiegħu ta’ rkupru biex jgħaddi minn maratona ta’ ħames sets kontra Francisco Cerundolo u għadda għall-kwarti-finali tal-French Open.

Iżda l-bieraħ ħarġet l-aħbar li Djokovic irtira mit-tournament min­­ħabba injury f’irkopptu tant li seta’ għamel dan fil-logħba stess iżda baqa’ fil-court sal-aħħar.

Intant ilbieraħ sarlu scan u kontra qalbu kellu jħabbar l-irtirar tiegħu għad-diżappunt tal-partitarji numerużi tiegħu.

L-irtirar ta’ Djokovic ifisser li issa huwa Jannik Sinner li se jitla’ fin-numru wieħed fir-rankings tad-dinja.

Is-Serb Djokovic, 37 sena, deher imxekkel minn injury f’irkopptu qabel ma rebaħ 6-1 5-7 3-6 7-5 6-3 kontra l-Arġentin seed numru 23, Cerundolo.

Għat-tieni darba fi tlett ijiem, iċ-champion ewlieni ta’ 24 darba tal-Grand Slam issielet lura u rkupra minn żvantaġġ ta’ żewġ sets għal wieħed.

“F’ħin minnhom ma kontx naf jekk kellix inkompli,” qal Djoko­vic, li attribwixxa l-injury għall-wiċċ tat-tafal li jiżloq.

Il-logħba tar-raba’ round ma’ Cerundolo bdiet għall-ħabta tal-4.00 pm ħin lokali nhar it-Tnejn, faktar minn 36 siegħa wara li l-konfront preċedenti tiegħu kontra t-Taljan Lorenzo Musetti li spiċċa fit-3.07 tal-Ħadd filgħodu.

Iżda Djokovic xorta kellu r-reżiljenza mentali u fiżika biex jirbaħ konfront ieħor ta’ ħeġġa li dam erba’ sigħat u 39 minuta.

Meta ssiġilla r-rebħa l-aqwa seed faqqa’ tbissima minn qalbu, ipponta lejn sidru u mbagħad lejn il-court f’ċelebrazzjoni.

Kienet it-370 rebħa ta’ Djokovic f’tournament tal-Grand Slam, li ratu jaqbeż lir-rival kbir tiegħu, Roger Federer.

Illum Djokovic kellu jiltaqa’ mas-seba’ seed, in-Norveġiż Casper Ruud, iżda minħabba li rtira dan ingħata walk-over biex sar l-ew­wel player maskili li għadda għall-aħħar erbgħa f’Roland Garros.

Ruud mexa ‘l quddiem b’rebħa fuq erba’ sets ta’ 7-6 (8-6) 3-6 6-4 6-2 fuq it-12-il seed, l-Amerikan Taylor Fritz.

Alexander Zverev għeleb lil Hol­ger Rune liema logħba spiċċat fis-1.40 am ħin lokali f’Pariġi biex wasal għall-kwarti-finali b’rebħa eċċitanti ta’ ħames sets.

Ir-raba’ seed kellu bżonn erba’ sigħat u 40 minuta biex għeleb lid-Daniż Rune 4-6 6-1 5-7 7-6 (7-2) 6-2.

Zverev se jiffaċċja lil Alex de Minaur fl-aħħar tmienja wara li l-Awstraljan għeleb lill-ħames seed Daniil Medvedev aktar kmieni nhar it-Tnejn.

It-Taljan Jannik Sinner kompla jfittex it-tieni Grand Slam tal-2024 billi għeleb b’mod komdu lill-Bulgaru seed numru 10, Grigor Dimi­trov, 6-2 6-4 7-6 (7-3)  biex wasal sas-semi-finali.

It-tieni seed Sinner qatt ma kien mar lil hinn mill-istadju tal-kwarti-finali f’Roland Garros iżda lbie­raħ deher f’kontroll totali

Sinner se jiffaċċja t-tielet seed Spanjol Carlos Alcaraz jew id-disa’ seed, il-Grieg Stefanos Tsitsipas, li lagħbu aktar tard ilbieraħ filgħaxija, fl-aħħar erbgħa.

SWIATEK TIRBAĦ FI 28 MINUTA

Il-mistoqsija li waslet fil-maġġuri tat-tafal hija: min jista’ jwaqqaf lil Iga Swiatek f’Roland Garros?

Ħadd mhu eqreb li jwieġeb wara prestazzjoni imperjuża oħra min-numru wieħed tad-dinja ta’ 23 sena.

Minn mindu għelbet lil Naomi Osaka fit-tieni round, Swiatek għolliet il-livell tagħha. Hija kellha bżonn biss 40 minuta biex eliminat lil Anastasia Potapova 6-0 6-0 fl-aħħar 16 u kompliet fejn ħalliet b’bagel ta’ 28 minuta kontra ċ-Ċeka Marketa Vondrousova.

Vondrousova li kienet runner-up f’Roland Garros fl-2019, u hija ċ-champion renjanti ta’ Wimbledon, iżda Swiatek operat fuq livell differenti.

Wara li għal ftit żmien ġiet taħt pressjoni fuq is-service fuq 1-1, Swiatek żammet għal 2-1 u reġgħet ibbrejkjat għal 3-1 fi triqitha biex tirrepeti l-finali ta’ sentejn ilu kontra Gauff fl-aħħar erbgħa.

It-tielet seed, l-Amerikana Coco Gauff, waslet sas-semi-finali ta’ dan l-Open wara li rkuprat minn set minn taħt biex għeleb lil Ons Jabeur tat-Tuneżija f’konfront assorbenti.

Gauff, 20 sena, uriet il-maturità u l-mentalità tagħha biex rebħet 4-6 6-2 6-3 f’Roland Garros.

Iċ-champion tal-US Open se tilgħab kontra l-aqwa seed Swiatek, li għelbitha fil-finali tal-2022, fl-aħħar erbgħa għada l-Ħamis.

Swiatek kompliet it-tentattiv tagħha għat-tielet titlu konsekuttiv f’Pariġi b’rebħa ta’ 6-0 6-2 fuq il-ħames seed, Vondrousova.

Wara set tal-ftuħ mill-aqwa mit-tmien seed Jabeur, Gauff kompliet temmen fil-logħba tagħha u ħadet vantaġġ mit-tnaqqis fil-livell tal-avversarja tagħha.

Gauff ma setgħetx tikkonverti match point fuq is-service ta’ Jabeur f’5-2 fis-set deċiżiv, u rnexxielha ssalva break point fuq 5-3, qabel ma qabżet il-linja tat-tmiem meta l-avversarja tagħha tefgħet ballun minn fuq rasha fit-tul.

Ekonomija

Sport