Wednesday, July 24, 2024

Manchester City se jfittxu legalment lill-Premier League

Aqra wkoll

Manchester City għandhom jiffaċċjaw lill-Premier League f’battalja legali dwar ir-regoli kummerċjali tal-organizzaz­zjoni l-ġimgħa d-dieħla.

Huwa mifhum li smigħ ta’ arbitraġġ dwar il-legalità tar-regoli tal-kampjonat dwar it-tranżazzjonijiet tal-parti assoċjata (APT), li jiddeterminaw jekk ftehimiet ta’ sponsorships humiex finanzjarjament ‘ġusti’, ġiet stabbilita għall-10-21 ta’ Ġunju.

Fi Frar, ġie rrappurtat li l-Premier League kien qed jiġi mhedded b’azzjoni legali minħabba bidliet fir-regoli tiegħu.

Ġie żvelat lill-kumplament tal-clubs tal-Premier League li s-City huma l-club inkwistjoni, bil-kampjonat joffri lid-19-il membru li fadal l-opportunità li jagħmlu dikjarazzjonijiet ta’ xhieda bħala parti mill-każ.

La l-Premier League u lanqas Manchester City ma wieġbu għat-talbiet għal kumment dwar il-każ.

Madankollu, il-ġurnal influwenti, The Times, jgħid li ra dokument legali ta’ 165 paġna li fih is-City isostnu li huma vittmi ta’ “diskriminazzjoni”, li r-regoli emendati ġew approvati mir-rivali biex “joħonqu” is-suċċess tagħhom fil-ground, u jsejħulu “tiranija tal-maġġoranza”.

Ix-xahar li għadda s-City saru l-ewwel club fl-istorja tal-football Ingliż li rebaħ it-titlu tal-kampjonat f’erba’ staġuni konsekuttivi.

Din il-mossa seħħet ftit xhur qabel kummissjoni dixxiplinarja tal-Premier League tisma’ ‘l fuq minn 100 akkuża kontra s-City talli kisru r-regolamenti finanzjarji tagħha, li wħud minnhom imorru lura għall-2009.

Xi wħud minn dawk l-akkużi għandhom x’jaqsmu ma’ ammonti mħallsa lis-City minn sponsors marbuta ma’ Abu Dhabi.

Ir-regoli l-ġodda dwar ftehimiet ta’ sponsorships ġew miftiehma aktar kmieni din is-sena mill-minimu meħtieġ ta’ 14-il club.

Dak iż-żmien, il-Premier League qal li din il-mossa se “ittejjeb l-effiċjenza u l-eżattezza tas-sistema”.

Il-ġurnal The Times jirrapporta li minbarra l-isfida tar-regoli, is-City qed jitolbu wkoll id-danni.

Ekonomija

Sport