Tuesday, December 31, 2024

INVESTIMENT FIL-QAWMIEN KULTURALI

Aqra wkoll

Fl-aħħar ġimgħat komplew joħorġu aktar riżultati pożittivi dwar l-irkupru b’saħħtu li għaddej minnu pajjiżna wara l-pandemija tal-Covid-19. Dan l-irkupru qed jiġi nnotat f’diversi setturi tas-soċjetà. Fuq quddiem insibu t-turiżmu fejn in-numri li qed jiġu rreġistrati huma kważi fl-istess livelli ta’ qabel feġġet il-pandemija.

Iżda lil hinn mit-turiżmu, settur ieħor li rajnieh jitlaq jiġri b’enerġija kbira hekk kif bdew jitneħħew ir-restrizzjonijiet kien is-settur kulturali. Dan huwa settur li jolqot diversi artisti Maltin u Għawdxin billi l-għajxien tagħhom jiddependi minnu, filwaqt li joħloq atmosfera ta’ divertiment permezz tal-attivitajiet li jsiru minn xahar għall-ieħor matul is-sena.

Nibdew biex insemmu l-festival Mużika Mużika, li issa jinsab fit-tielet sena tiegħu u li kien suċċess sa mill-ewwel darba li ġie varat. Il-poplu kkonkorra bi ħġaru wkoll għan-Notte Bianca wara nuqqas ta’ sentejn fost attivitajiet oħra tal-massa li ttellgħu matul is-sena li għaddiet, inkluż fil-Belt Kapitali.

Ma nistgħux ma nsemmux ukoll kif dawn l-attivitajiet qegħdin jattiraw mhux biss lill-Maltin imma anke lit-turisti li jiġu jżuruna. B’mod partikolari l-festi, li rritornaw bil-kbir matul is-sajf li għadda fejn rajniehom jiġu ċċelebrati bil-mod tradizzjonali tagħhom. Dan minnu nnifsu għandu wkoll sens ekonomiku billi mhux biss joffri spettaklu lill-barranin imma wkoll iħalli introjtu li ġej mit-turiżmu.

Fl-isfond ta’ dan kollu, nilqgħu b’sodisfazzjon l-aħbar li għal din is-sena l-festi Maltin se jkunu qegħdin igawdu minn nofs miljun ewro oħra permezz ta’ tliet skemi mmaniġġjati mill-Kunsill Malti għall-Arti. Nemmnu li inizjattivi bħal dawn jiffurmaw parti essenzjali mit-tisħiħ tat-tradizzjonijiet lokali tagħhom għax permezz tagħhom inkomplu ntejbu l-aċċessibilità fis-settur.

Barra minn hekk, il-Gvern żamm kelmtu anke mas-soċjetajiet tal-baned li kienu jinsabu f’riskju imminenti li jitilfu s-sede tas-soċjetajiet tagħhom. Il-Gvern ħass li kellu jintervjeni minnufih, tant li kif tħabbar mill-Ministru Owen Bonnici fil-Parlament, fl-aħħar sena u ftit xhur se jkun daħal biex isalva xejn inqas minn sitt każini tal-banda, illi li kieku ma sarx hekk kienu jispiċċaw mingħajr is-sede tagħhom.

Dan filwaqt li komplew jiġu allokati aktar fondi biex jiġu megħjuna s-soċjetajiet mużikali, dawk tan-nar u anke tal-armar. Għalhekk, l-investiment f’dan is-settur kien, għadu u jibqa’ kruċjali biex pajjiżna jkompli jikkonsolida l-kultura ta’ dan il-pajjiż.

Ekonomija

Sport