Erbgħa u sebgħin student b’diżabilità qed jibbenefikaw mill-Voice for Inclusion Summer Club 2026, inizjattiva li qed toffrilhom ambjent inklussiv, interessanti u ta’ appoġġ fejn jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, jibnu ħbiberiji ġodda u jgawdu minn esperjenzi sbieħ matul is-sajf. Dan qed isir b’investiment ta’ €150,000.
Dan il-programm huwa frott ta’ kollaborazzjoni bejn Aġenzija Sapport, il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES) u l-Ministeru għal Għawdex, u din is-sena qed jidħol fit-tielet sena tiegħu.
Żaru waħda mis-sessjonijiet ta’ dan il-club il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u l-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri.
Il-Voice for Inclusion Summer Club beda fit-13 ta’ Lulju u jibqa’ għaddej sal-11 ta’ Settembru. Is-sessjonijiet isiru mit-Tnejn sal-Ġimgħa, bejn it-8:15 ta’ filgħodu u l-12:15 ta’ waranofsinhar, b’waqfa bejn l-10 u l-14 ta’ Awwissu.
Permezz ta’ attivitajiet adattati għall-ħtiġijiet u l-abbiltajiet differenti tal-parteċipanti, il-programm joħloq opportunitajiet sabiex it-tfal u ż-żgħażagħ b’diżabilità jkomplu jitgħallmu, jesprimu l-kreattività tagħhom, isaħħu l-indipendenza u jiżviluppaw relazzjonijiet soċjali f’ambjent sigur u inklużiv.
Il-Ministru Julia Farrugia qalet li din l-inizjattiva tkompli turi l-impenn tal-Gvern favur soċjetà aktar ġusta u inklussiva. “B’dan l-investiment qegħdin niżguraw li t-tfal u ż-żgħażagħ b’diżabilità jkollhom l-istess opportunitajiet bħall-bqija ta’ sħabhom biex jipparteċipaw, jitgħallmu u jgawdu l-esperjenzi tas-sajf. Fl-istess waqt, qegħdin noffru sapport importanti lill-familji tagħhom u nkomplu nsaħħu servizzi li jirrispondu għar-realtajiet u għall-ħtiġijiet tagħhom. Il-kontinwità f’rutina stabbli matul ix-xhur tas-sajf hija wkoll importanti biex it-tfal ikunu jistgħu jagħmlu tranżizzjoni aktar faċli u pożittiva meta f’Settembru jirritornaw lejn l-iskola,” sostniet il-Ministru.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “permezz ta’ finanzjament min-naħa tal-Gvern, aktar minn 70 student, setgħu jattendu għall-Voice for Inclusion Summer Club li jilqa’ fih għexieren ta’ tfal b’diżabilità sabiex ikunu jistgħu jibqgħu jitħarrġu, igawdu anke s-sajf tagħhom f’ambjent sigur, kif ukoll ikomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom. Dan huwa impenn min-naħa tal-Gvern anke fil-gżira ta’ Għawdex sabiex kull ċittadin fis-soċjetà tagħna jibqa’ jipprogressa ’l quddiem u jingħata wkoll l-istess opportunitajiet daqs ħaddieħor u għaldaqstant, infaħħar bil-qawwa din l-inizjattva u ovvjament l-Gvern jibqa’ jsostni dawn l-attivitajiet importanti fi ħdan is-soċjetà tagħna.”
Il-Ministru Byron Camilleri qal, “SkolaSajf għandu jkun servizz li jilħaq lil kulħadd. Għalhekk, meta nitkellmu dwar inklużjoni, ma rridux nieqfu mal-prinċipji, iżda nassiguraw li kull tifel u tifla jkollhom l-appoġġ u l-opportunitajiet li jeħtieġu biex jipparteċipaw, jitgħallmu u jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom. Permezz tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi u l-kollaborazzjoni ma’ Voice for Inclusion u l-entitajiet involuti, qed nassiguraw li tfal u żgħażagħ b’diżabilità f’Għawdex ikollhom ambjent edukattiv, sigur u ta’ sostenn, b’appoġġ li jirrispondi għall-ħtiġijiet individwali tagħhom, filwaqt li jingħata wkoll sostenn importanti lill-familji tagħhom. Din hija l-inklużjoni li rridu nkomplu nsaħħu fi SkolaSajf u fis-sistema edukattiva kollha: waħda li tissarraf f’azzjoni konkreta, tneħħi l-ostakli u toħloq l-opportunitajiet biex kull persuna tkun tista’ tipparteċipa u tilħaq il-potenzjal tagħha.”

