Diskussjonijiet dwar is-sħubija tal-Montenegro fl-Unjoni Ewropea

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Chris Fearne tenna l-appoġġ ta’ Malta biex il-Montenegro isir membru tal-Unjoni Ewropea waqt laqgħat f’Podgorica mal-Prim Ministru Milojko Spajić u mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin Ervin Ibrahimović.

Il-Ministru Fearne laqa’ l-progress li għamel il-Montenegro fin-negozjati tiegħu għall-adeżjoni u saħaq li l-kisbiet tal-pajjiż għandhom jiġu rikonoxxuti permezz ta’ proċess ta’ tkabbir kredibbli, ġust u bbażat fuq il-mertu.

Malta tappoġġja l-għan tal-Montenegro li jsir membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea, bl-istess drittijiet u obbligi bħal kull Stat Membru ieħor. Huwa saħaq li l-Montenegro għandu jibqa’ responsabbli mit-triq Ewropea tiegħu, filwaqt li l-Unjoni Ewropea għandha twieġeb b’mod ċar meta pajjiżi kandidati jwettqu r-riformi meħtieġa u jonoraw l-impenji tagħhom.

Il-laqgħat saru bħala parti minn żjara uffiċjali bil-għan li jkomplu jissaħħu r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Montenegro u jiġu diskussi l-passi li jmiss fil-kooperazzjoni bilaterali bejniethom.

Il-Ministru Fearne tenna l-impenn tiegħu li jsaħħaħ ir-rabtiet bejn il-pajjiżi tal-Mediterran, filwaqt li nnota li kooperazzjoni eqreb hija ta’ benefiċċju mhux biss għall-pajjiżi kkonċernati, iżda wkoll għar-reġjun Ewropew usa’.

Malta u l-Montenegro għandhom interess komuni f’Mediterran u Balkani tal-Punent stabbli u prosperi, żewġ reġjuni li s-sigurtà u l-iżvilupp ekonomiku tagħhom huma marbuta mill-qrib.

Malta tħares ’il quddiem biex taħdem aktar mill-qrib mal-Montenegro fl-oqsma tat-turiżmu u s-saħħa. Iż-żewġ naħat iddiskutew kif tista’ tiġi żviluppata l-kooperazzjoni f’dawn l-oqsma, flimkien mar-rabtiet eżistenti fl-edukazzjoni, it-taħriġ diplomatiku u l-affarijiet marittimi.

Iż-żewġ naħat qablu li r-relazzjoni bilaterali għandha tkompli tiżviluppa b’mod parallel mal-progress tal-Montenegro lejn is-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru Fearne ikkonferma wkoll li Malta hija lesta taqsam l-esperjenza li kisbet permezz tas-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea u tikkunsidra aktar assistenza teknika f’oqsma identifikati flimkien mal-awtoritajiet Montenegrini.

Il-Ministru Fearne irringrazzja lill-Prim Ministru Spajić u lill-Ministru Ibrahimović tal-ospitalità tagħhom u tad-diskussjonijiet miftuħa u kostruttivi. Huwa tenna l-impenn ta’ Malta li żżomm djalogu politiku mill-qrib u tibni sħubija aktar b’saħħitha u prattika mal-Montenegro.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport