Tuesday, December 24, 2024

Investiment fl-apparat naqqas il-periklu u l-ħin li l-pumpiera jagħmlu fil-binja

Thermal image cameras ippermettew lill-pumpiera biex jaraw fid-duħħan u jkunu jafu eżattament fejn qiegħed n-nar

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’operazzjoni li ħadet ammont ta’ sigħat, il-membri tal-Protezzjoni Ċivili rnexxielhom jikkontrollaw in-nirien li ħakmu fabbrika li tipproduċi prodotti tal-ikel f’Santa Venera. Kruċjali f’din il-ħidma kien it-tagħmir ġdid li sar investiment fih fl-aħħar snin fil-Protezzjoni Ċivili.

Kien it-Tnejn li għadda, għall-ħabta tal-4.00 p.m., meta ġew irrappurtati nirien f’fabbrika fi Triq il-Ħarrub. Minnufih issejħu fuq il-post għadd ta’ pumpiera li bdew bil-ħidma tagħhom biex jitfu n-nirien filwaqt li l-Pulizija għalqu t-triq u avżaw lill-pubbliku sabiex jevitaw iż-żona u dawk li jgħixu fil-viċinanzi jżommu l-bibien u t-twieqi magħluqin minħabba rwejjaħ u dħaħen kbar.

Kelliem għall-Ministeru tal-Intern spjega ma’ dan is-sit li f’din l-operazzjoni, il-membri tal-Protezzjoni Ċivili ħadmu fuq tliet binarji differenti; sabiex titwaqqaf il-mixja tan-nirien, biex ma jkomplix jinfirex f’partijiet oħra tal-fabbrika jew f’binjiet biswit l-istess fabbrika, jiġi kkontrollat in-nar u jintefa’ fl-inqas ħin possibbli u tiġi protetta l-istruttura tal-binja nnfisha li kienet esposta għal sħanat kbar li seta’ jikkawża t-tiġrif tagħha stess.

Minħabba l-perikli li kien hemm anke konsegwenza ta’ splużjonijiet li seħħew, il-pumpiera ħadmu kemm minn barra, iżda hekk kif ċerti mumenti dan ma setax isir lanqas, kellhom jidħlu fil-fabbrika wkoll. 

L-istess kelliem spjega li fis-sit tal-inċident kien hemm 50 pumpier u uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili. Ġew użati madwar 320,000 litru ta’ ilma u 4,000 litru ta’ foam sabiex jiġu kkontrollati n-nirien. Fuq is-sit intużaw ukoll 12-il vettura tat-tifi tan-nar.

L-investiment li sar fl-aħħar snin fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kien strumentali sabiex qabel xejn kienu kkontrollati n-nirien u jitnaqqas il-periklu, iżda anke billi l-pumpiera kellhom l-aħjar għodod biex jagħmlu dan. 

L-investiment fl-apparat wassal sabiex it-tifi tan-nar isir minn barra biex jitnaqqas il-periklu u jitnaqqas il-ħin li l-pumpiera jkunu fil-binja. Apparti hekk, għodda bħal thermal image cameras ippermettew lill-pumpiera biex jaraw fid-duħħan u jkunu jafu eżattament fejn qiegħed n-nar filwaqt li jidentifikaw bibien, twieqi u soqfa. Dan wassal għal ferm aktar effiċjenza f’xogħolhom. 

L-investiment li sar fil-bowsers ippermetta wkoll li x-xogħol tat-tifi tan-nar jibqa’ għaddej u ma jiqafx minħabba n-nuqqas ta’ ilma. 

Il-ħidma baqgħet għaddej sa tard billejl u l-ħaddiema rnexxielhom jitfu n-nirien qawwija li kien hemm filwaqt li b’xorti tajba ħadd ma ndarab. Konsegwenza tan-nirien, kien hemm anke xi djar li ġarrbu xi ħsarat.

F’kummenti ma’ dan il-ġurnal, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri qal li fl-aħħar sentejn il-Protezzjoni Ċivili investiti f’xejn inqas minn 34 vettura u opra tal-baħar filwaqt li oħrajn huma ordnati u mistennija jaslu fiż-żmien li ġej.

“Propju dakinhar stess tal-inċident, kmieni wara nofsinhar, ħabbarna investiment ta’ €1.6miljuni f’erba’ vetturi ġodda (heavy rescue vehicle, hazmat u tnejn forest fighting vehicles).

“Lil hinn mill-investiment fl-apparat, il-Protezzjoni Ċivili investiet xejn inqas minn €350,000 f’taħriġ għall-pumpiera u mal-€150,000 oħra se jkunu disponibbli għal dan il-għan ukoll.

“Dan huwa Gvern li s-sigurtà tiegħek u tal-familja tiegħek, tal-ħaddiema u min jinvesti, ipoġġiha fiċ-ċentru ta’ ħidmietu, u din qed tidher fil-prattika,” tenna l-Ministru Camilleri. 

Sadanittant, il-Pulizija, bl-għajnuna tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili, irnexxielhom ukoll jelevaw filmati mid-DVRs li kien hemm fil-binja. L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin filwaqt li nfetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.

Ekonomija

Sport