Tuesday, December 24, 2024

Investiment fl-innovazzjoni minn Methode Electronics Inc

Aqra wkoll

Fi żjara li għamlet il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli, il-kumpanija tal-manifattura Methode Electronics ħabbret li qed tinvesti fl-innovazzjoni biex tħejji ruħha biex tilħaq mad-domanda fis-suq għall-karozzi elettriċi kif ukoll e-bikes.

Methode Electronics, hija waħda mill-akbar kumpaniji tal-manifattura f’Malta, setgħet tegħleb ċertu sfidi tul il-pandemija grazzi għall-appoġġ tal-Gvern Malti u l-Malta Enterprise. Dan ippermetta lill-kumpanija tespandi u tiddiversifika l-operat tagħha sabiex tilħaq mad-domanda li ġejja mis-suq globali li iktar ma jgħaddi żmien iktar qed jevolvi.

Waqt din iż-żjara Dr Joseph Khoury, Chief Operations Officer Methode Electronics, spjega kif grazzi għall-assistenza tal-Gvern Malti u tal-Malta Enterprise sfidi kkawżati mill-pandemija ġew mitigati. “It-triq li qabdet il-kumpanija Methode hija eżempju ieħor tal-investiment li bħala pajjiż irridu naraw kumpaniji bbażati f’Malta jkomplu juru r-reżiljenza tagħhom, jikbru u jinvestu f’aktar teknoloġija moderna u fl-innovazzjoni filwaqt li jagħtu opportunitajiet ta’ xogħol aħjar lill-ħaddiema tagħna”, qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Il-Ministru Dalli spjegat li s-settur tal-manifattura huwa importanti ħafna għall-iżvilupp ekonomiku ta’ Malta, u l-gvern qiegħed kontinwament jinċentiva lil dan is-settur biex ikompli jikber u jisaħħaħ. “Methode Electronics tirrifletti l-impenn tagħna bħala gvern li nkomplu niżviluppaw setturi innovattivi. Methode qed tinvesti f’soluzzjonijiet innovattivi għall-klijenti tagħha filwaqt li żżid il-valur tal-prodotti tagħha li mbagħad jinbiegħu fi swieq globali”, qalet il-Ministru Dalli.

Dr Khoury, Viċi President Methode Electronics, qal li “Huwa ta’ sodisfazzjon li jkolli l-ministru fil-kampus tagħna. Malta għandha rwol importanti fl-istrateġija globali ta’ Methode. Methode Electronics Europe tinsab f’pożizzjoni tajba fis-suq tal-karozzi u aktar importanti minn hekk, is-settur tal-elettrifikazzjoni. Aħna attivi ħafna fis-settur tal-e-bikes b’sensors li ġew imnedija f’Malta minn Methode stess ftit tas-snin ilu. Dan filwaqt li nħarsu ‘l quddiem biex nintroduċu prodotti uniċi fis-settur mediku.”

Dr Khoury għalaq billi qal li d-diskussjonijiet dwar pjanijiet futuri tagħhom mal-Gvern Malti kif ukoll mal-Ministru Miriam Dalli se jkomplu filwaqt li rringrazzjaw lil ministru għall-involviment u l-impenn tagħha għas-settur industrijali.

Informazzjoni addizzjonali dwar Methode Electronics

Methode Electronics ilha topera f’Malta u tkabbar l-operat u l-produzzjoni tagħħa ta’ prodotti bħal switches, kontrolli elettromekkaniċi u elettroniċi, sensors switch devices għall-industrija tal-karozzi mad-dinja kollha għal dawn l-aħħar 55 sena. Fis-snin riċenti, Methode kienet qed tiddiversifika f’setturi ġodda bħat-teknoloġija tas-sensors – qasam li huwa mistenni li jikber b’mod sinifikanti fil-futur.

Ekonomija

Sport