Thursday, April 25, 2024

Ideali għal min hu midħla mal-video-games

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fil-box office Amerikana, il-kummiedja tal-fantaxjenza mimlija xeni ta’ azzjoni, “Free Guy” mar aħjar milli kien mistenni b’dħul ta’ $28.4 miljun.  Waqt li kien qed jiġi ċċelebrat dan is-suċċess, il-protagonist Ryan Reynolds ħabbar li l-kumpanija Disney diġa wriet ix-xewqa li taħdem sequel.

Mill-pajjiżi l-oħra fejn diġa ħareġ għall-wiri, id-dħul ta’ “Free Guy” kien jammonta għal $22.5 miljun.

Interessanti hi d-demografija ta’ dawk li marru jaraw il-film: 59% huma maskili u 80% kellhom aktar minn 18-il sena.  Interessanti għax għal diversi ġimgħat, l-attendenza kienet dominata minn żgħażagħ biss.

Marru tajjeb ukoll iż-żewġ films l-oħra ġodda.  It-thriller tal-biża’ “Don’t Breathe 2” tela’ fit-tieni post filwaqt li l-film bijografiku dwar Aretha Franklin, “Respect” okkupa r-raba’ post.  Fit-tielet u fil-ħames post wieħed isib fil-box office Amerikana “Jungle Cruise” u “The Suicide Squad”.  Dan ta’ l-aħħar qala’ daqqa’ kbira fit-tieni ġimgħa wara li kien il-film numru wieħed il-ġimgħa ta’ qabel.  Tant hu hekk li ra d-dħul fit-teatri Amerikani jonqos b’akjtar minn 70%.

Free Guy

Dan il-film komiku u tal-fantaxjenza, mimli avventura, ma tistax tgħidlu xi wieħed oriġinali sa barra.  Imma l-kittieba tal-iskript, Matt Lieberman (li kiteb dak ta’ “The Addams Family”) u Zak Penn (li ħoloq l-istorja ta’ “The Avengers”) għarfu kif jaħbu l-influwenzi li kellhom minn films oħra u tawna narrativa li mhix tas-soltu.

Maħdum taħt id-direzzjoi ta’ Shawn Levy, huwa reġa jagħtina dinja ta’ fantasija.  Din id-darba, mhix waħda limitata li tieħu l-ħajja matul il-lejl bħal f’“The Night at the Museum”. 

Walter ‘Keys’ McKey (Joe Keery) ikun biegħ il-video game ‘Free Life’ lil Sooname Games li minnha ħolqu l-video game ‘Free City’.  Keys jiddispjaċih jara kif il-kap ta’ Soonami, Antwan (Taika Waititi) kien qed jisfrutta din il-logħba u l-pjanijiet tiegħu biex jibdilha għal ‘Free City 2’.  Is-sieħba ta’ Keys, Millie (Jodie Comer), tidħol fil-logħba ‘Free City’ permezz tal-avatar Molotov Girl sabiex issib evidenza li turi li s-sid tal-kodiċi hu Keys.

Guy (Ryan Reynolds), ikun NPC (non-player character), jaħdem ġo bank, u ħabib tal-uffiċċjal tas-sigurta fl-istess bank Buddy (Lil Rel Howery).  Guy mhux konxju li qed f’dinja tal-video game.  Waqt serqa mill-bank, Guy jisraq in-nuċċali tax-xems tal-ħalliel u jiskopri b’avatars, apparti li jissaħħar fuq Molotov Girl, l-avatar ta’ Millie.

Millie tintebaħ li Guy kien kapaċi jipperċepixxi li seta’ jsib il-kodiċi ta’ Keys.  Meta Guy jibda jsib ruħu fil-missjonijiet fil-logħba ta’ ‘Free City’ taħt il-gwida ta’ Millie, Guy jikseb fama kbira u ħafna jibdew isegwi l-avventuri tiegħu ta’ eroj.  Dan għax il-ħajja ta’ madwaru hi miżgħuda b’sitwazzjonijiet fejn nies jispiċċaw ostaġġi, binjiet jiġu sploduti u nies jisparaw minn kullimkien.   Darba, waqt li Guy ikun fuq xogħlu, ħallelin jidħlu fl-istess bank u jesiġu li kulħadd jintefa’ ma’ l-art.  Guy ma jobdix u jġiegħel lill-ħalliel jitlaq minn fejn ġie.  

Il-film “Free Guy” jassumi li min ser jarah għandu livell tajjeb ta’ għarfien ta’ kif jiġu milgħuba l-video games tal-lum.  B’mod ġenerali, “Free Guy” (Walt Disney Studios: 12A) hu film divertenti, b’Ryan Reynolds aktar kariżmatku mis-soltu u jagħti nterpritazzjoni konvinċenti. L-effetti speċjali f’dan il-film huma l-aqwa ħaġa li għandu.

Innutaw ll-logo ta’ dik li kienet 20th Century Fox.  Wara li nxtrat mill-kumpanija Disney, l-isem inbidel għal 20th Century Studios.

Trust

Dan hu drama romantika li għalkemm mhux xi film kbir, għandu żewġ messaġġi: tgħaġġilx fil-konklużjonijiet u tilgħabx man-nar.

F’New York, Brooke (Victoria Justice) u Owen (Matthew Daddario)  huma koppja miżżewġa u jixtiequ jibdew familja.  Brooke tkun qegħda tiftaħ gallerija tal-arti, miżgħuda b’tpinġijiet kważi erotiċi mpittra minn Ansgar (Lucien Laviscount).  Dan il-pittur ma jiddejjaqx juri li għandu aktar minn ammirazzjoni għal Brooke, fejn saħansitra anke jikkomunika magħha f’nofs ta’ lejl.  Kif wieħed jistenna, Owen jirrita ruħu.

Owen ikun jixtieq jgħaddi l-Milied f’Pariġi u mingħajr ma jgħid lil martu, jixtri żewġ biljetti tal-ajru għalihom it-tnejn.  Brooke ma tkunx trid tmur għax tkun b’ruħha u ġisimha mitfugħa fuq il-ftuħ tal-gallerija tal-arti.

Sadanittant, darba Brooke tara xi messaġġi fuq i-mobile ta’ Owen, li minnhom tikkonvinċi lilha nnifisha li Owen kien qed jara mara oħra.

Sadanittant, Ansgar jinforma lil Brooke li d-direttur tal-films ried jixtri xogħlijiet tal-arti minn tiegħu u jistedinhom biex jiltaqgħu fil-Marias Hotel ta’ Pariġi.  Brooke taċċetta li tmur Pariġi ma’ Ansgar.  Dan jiffrustra lil Owen.  Brooke anke tfassal pjan biex waqt li tkun imsiefra, tittestja l-fedeltà ta’ Owen, speċjalment meta taqbdu ħiereġ bil-lejl biex imur f’post li kien reklamat bħala “lovers’ nest”.

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Brian DeCubellis, dak li laqatni l-aktar f’“Trust” (Vertical Enterianment: 15) hu l-istil tar-rakkont fejn mhux lineari:  iġegħlek tasal għall-konklużjonijiet u wara jagħtik biċċa oħra fejn  tispiċċa daqqa żżom magħha u daqqa miegħu.

Sport