Saturday, December 28, 2024

Investiment ġdid ta’ nofs miljun ewro minn start-up lokali li anke waqt pandemija ma qatgħetx qalbha

Aqra wkoll

Il-Ministru Silvio Schembri jgħid li t-twaqqif ta’ iżjed negozji ġodda juri l-fiduċja tal-investituri fl-ekonomija Maltija

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri inawgura l-ftuħ ta’ azjenda ġdida li toffri s-servizz ta’ laundry kemm fuq skala kummerċjali kif ukoll fuq skala domestika. Bl-isem ‘Clean Sheets Laundry’, dan l-investiment ta’ iżjed minn nofs miljun ewro fil-faċilità stess u f’makkinarju, diġà ssarraf f’xogħol għal tnax-il persuna, filwaqt li l-proċess ta’ reklutaġġ għal iżjed impjegati ġodda għadu għaddej. Dan hekk kif in-numru ta’ klijenti diġà qabeż is-sittin u qed ikompli jiżdied, eżempju ċar li juri li l-irkupru tal-ekonomija Maltija diġà qed jinħass qalb in-negozji.

“Il-ftuħ ta’ din l-istart-up waqt pandemija hija simbolu tal-fiduċja tal-investituri fir-reżiljenza tal-ekonomija Maltija. B’serħan il-moħħ, min iħaddem jista’ jkompli jagħmel kuraġġ u ma jibżax jiftaħ negozju ġdid jew jiddiversifika l-operat tiegħu bil-ħolqien ta’ linji ġodda. Determinati li mhux biss nipproteġu l-impjiegi u n-negozji iżda nassiguraw li l-investiment jibqa’ għaddej,” qal il-Ministru Schembri.

Qal li l-gvern se jibqa’ joħloq politika ekonomika ta’ tkabbir li tassigura ħolqien ta’ iżjed xogħol u tisħiħ tal-pagi. Qal li fil-ġranet li ġejjin ser ikun qed iħabbar li l-Aġenzija INDIS Malta se tkompli tinvesti sabiex tgħin lill-intraprendituri fit-twaqqif ta’ iżjed start-ups.

Il-ministru appella lill-ħaddiema sabiex jibqgħu jimxu id f’id ma’ min iħaddem u jkunu produttivi. Hu rringrazzja wkoll lil min iħaddem tal-fiduċja fil-ħidma tal-gvern u tal-koperazzjoni tagħhom sabiex anke fi żminijiet diffiċli jdawru l-isfidi f’opportunitajiet.

Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija, Aaron Xuereb, spjega li fl-2019 flimkien mal-partners tiegħu li kellhom negozju fit-turiżmu, raw opportunità sabiex jiftħu laundry kummerċjali żgħira, bil-ħsieb li jsaħħu s-servizz f’dan il-qasam. Qal li fi żmien qasir din l-idea saret realtà u rnexxielhom jiksbu diversi klijenti, fosthom lukandi, ristoranti u djar tal-anzjani. Minkejja l-pandemija, ma qatgħux qalbhom, iddiversifikaw u bdew joffru servizz ta’ laundry fid-djar. Bis-saħħa ta’ għajnuniet li rċevew mill-gvern, fosthom il-Covid Wage Supplement u s-sussidju tal-kirja, irnexxielhom ikomplu għaddejjin bin-negozju tagħhom. Fil-preżent qed ikomplu jinvestu f’makkinarji u f’faċilitajiet ikbar minn fejn ikunu jistgħu joperaw.

Il-Maniġer Operattiv Stanley Zammit qal, “Għandna pjan li nużaw it-teknoloġija biex noffru l-aqwa servizz lill-klijenti Maltin u ninsabu ottimisti li fis-snin li ġejjn inkomplu nżidu l-investiment tagħna f’dan in-negozju”.

Ekonomija

Sport