Tuesday, April 16, 2024

WE MAKE: proġett ġdid għall-implimentazzjoni ta’ investiment sostenibbli mill-privat

Aqra wkoll

F’kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA), il-Malta Business Bureau u l-Kamra tal-Kummerċ, se tingħata gwida akbar lill-intrapriżi biex ikunu effiċjenti aktar fl-użu tal-enerġija u tal-ilma.

Il-ftehim ġie ffirmat bejn l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, il-Malta Business Bureau u l-Kamra tal-Kummerċ, fil-preżenza tal-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli.

Bil-proġett WE MAKE (Water and Energy Management and Knowledge Transfer in Manufacturing Enterprises) is-settur tal-manifattura se jibbenefika minn energy audits offruti mill-EWA fejn l-intrapriżi jkunu jistgħu jiġu mgħarrfa kif itejbu l-konsum tagħhom u joperaw b’mod effiċjenti. Il-proġett huwa maħdum biex joffri soluzzjoni kompluta lil dan is-settur billi joffri informazzjoni dwar għażliet differenti ta’ finanzjament tal-investiment filwaqt li joħloq forum fejn kumpaniji jistgħu jiddiskutu u jippreżentaw l-aqwa prattiki fis-settur. Dan kollu se jwassal biex tingħatalhom gwida aħjar  ta’ kif ikollhom operat sostenibbli.

Permezz tal-proġett WE MAKE, is-settur tal-manifattura se jkun jista’ jsaħħaħ il-kompetittività fl-industrija u b’hekk jiżdied aktar l-investiment f’Malta.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Miriam Dalli spjegat li permezz ta’ dan il-ftehim, se jkun hemm kollaborazzjoni akbar biex in-negozji jkunu assistiti ħalli jkollhom operat sostenibbli.

“Kontinwament bħala gvern qegħdin ninċentivaw kemm lill-pubbliku inġenerali u anke lis-settur privat permezz ta’ miżuri filwaqt li nimplimentaw policies apposta biex pajjiżna jkompli miexi fit-triq tad-dekarbonizzazzjoni. Permezz ta’ ħidma kollettiva flimkien ma’ diversi msieħba soċjali u entitajiet qed inkomplu nimplimentaw l-għan tagħna. Għalhekk bil-proġett WE MAKE se niffaċilitaw il-ħidma fis-settur tal-manifattura waqt li nassiguraw li min qiegħed f’dan is-settur ikollu l-għodod u r-riżorsi neċessarji biex ikun parti minn din il-bidla sostenibbli,” qalet il-Ministru Dalli.

Il-President tal-Malta Business Bureau Alison Mizzi qalet li, “Bħala Malta Business Bureau ilna għal aktar minn għaxar snin nimplimentaw proġetti relatati mal-enerġija u l-ilma. Tul dan iż-żmien rajna li diversi negozji għandhom għarfien ta’ kif joperaw b’mod sostenibbli però meta jaslu għall-implimentazzjoni jsibuha diffiċli anke mil-lat finanzjarju. Għalhekk nemmnu li bil-proġett WE MAKE se nkunu nistgħu nimirħu aktar fejn tidħol implimentazzjoni.”

Min-naħa l-oħra, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb qalet li, “Malta għandha tiftaħ aktar kollaborazzjonijiet mas-settur privat biex permezz ta’ teknoloġija ġdida u dik hybrid, aktar negozji jkollhom l-opportunità biex jassistu għal ekonomija iktar ħadra, smart u sostenibbli fil-futur. Għal din ir-raġuni, huwa ta’ pjaċir għalina li qed inkunu msieħba mal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma u l-Malta Business Bureau fuq il-proġett WE MAKE”.

Ekonomija

Sport