Id-Diagnostic Imaging Unit f’San Vinċenz de Paul kompla jsaħħaħ is-servizzi dijanjostiċi tiegħu permezz tal-introduzzjoni tat-tielet magna tal-ultrasound, din id-darba speċjalizzata fil-qasam muskuloskeletali, b’investiment ta’ €85,000.
Dan is-servizz se jkun qed jingħata kemm lir-residenti ta’ San Vinċenz de Paul kif ukoll lil pazjenti ta’ aktar minn 60 sena li jgħixu fil-komunità jew fi Djar tal-Anzjani.
Waqt żjara f’San Vinċenz de Paul, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Deo Debattista qal li dan l-investiment huwa pass ieħor biex aktar servizzi tas-saħħa jkunu aċċessibbli għall-anzjani, filwaqt li tkompli tissaħħaħ il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa. “Meta ninvestu f’teknoloġija ġdida, l-għan tagħna mhuwiex il-magna fiha nnifisha, iżda dak li permezz tagħha nistgħu noffru lill-pazjent. Aktar servizzi qrib l-anzjani tagħna jfissru anqas skariġġ, dijanjosi aktar effiċjenti u, fuq kollox, kura li tkompli ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħhom,” qal is-Segretarju Parlamentari Debattista.
L-ultrasound muskuloskeletali huwa metodu sigur, mhux invażiv u mingħajr radjazzjoni li jintuża biex jiġu eżaminati l-muskoli, l-ligamenti, il-ġogi u tessuti rotob oħra. Permezz ta’ immaġini f’ħin reali, l-ispeċjalisti jkunu jistgħu jevalwaw aħjar dawn l-istrutturi u b’hekk jiffaċilitaw dijanjosi aktar preċiża ta’ korrimenti, infjammazzjoni u kundizzjonijiet muskuloskeletali oħra.
It-teknoloġija tista’ tintuża wkoll biex tiggwida b’aktar preċiżjoni ċerti interventi mediċi, fosthom l-għoti ta’ injezzjonijiet terapewtiċi, u b’hekk tgħin biex il-pazjent jingħata trattament aktar immirat u sigur.
L-introduzzjoni ta’ dan is-servizz tkompli twessa’ l-firxa ta’ eżamijiet dijanjostiċi offruti mid-Diagnostic Imaging Unit f’San Vinċenz de Paul, li diġà jinkludu MRI, CT Scan, X-Ray, Fluworoskopija u Bone Density.
Minbarra s-servizz tal-ultrasound, sabiex ikomplu joffru servizz komprensiv ta’ eżamijiet muskuloskeletali, bdew isiru wkoll proċeduri interventivi li jsiru bl-użu tas-CT scan. Dawn jitwettqu minn konsulent speċjalizzat, permezz ta’ investiment f’CT image-guided intervention package, li jippermetti li dawn il-proċeduri jsiru b’mod aktar preċiż u sigur.
Is-Segretarju Parlamentari Debattista sostna li t-tisħiħ tas-servizzi f’San Vinċenz de Paul jgħin ukoll biex ċerti eżamijiet li tradizzjonalment kienu jsiru f’Mater Dei jkunu jistgħu jsiru f’San Vinċenz de Paul. Dan iwassal għal servizz aktar aċċessibbli għall-pazjenti, filwaqt li jkompli jżid il-kapaċità dijanjostika fis-sistema tas-saħħa.
“L-anzjanità attiva tfisser ukoll li nagħtu lill-persuna l-għodda u l-kura meħtieġa biex tibqa’ kemm jista’ jkun indipendenti u tgawdi kwalità ta’ ħajja tajba. Se nkomplu għalhekk ninvestu fit-teknoloġija, fis-servizzi u fil-professjonisti tagħna biex il-kura li noffru tkompli tavvanza skont il-ħtiġijiet tal-anzjani tagħna,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.
Dan l-investiment jifforma parti mill-ħidma kontinwa biex San Vinċenz de Paul ikompli jiżviluppa s-servizzi dijanjostiċi tiegħu permezz ta’ teknoloġija medika moderna u jkompli jtejjeb il-kwalità tal-kura offruta lir-residenti tiegħu u lill-anzjani fil-komunità.
