Sunday, December 22, 2024

Investiment minn PressEnter Group se jara l-ħolqien ta’ 150 impjieg ġdid

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri ħabbar investiment ġdid fil-qasam tal-iGaming minn PressEnter Group, li se jara l-ħolqien ta’ xejn inqas minn 150 impjieg ġdid. 

“Bid-dettalji tal-pjanijiet għal kwartieri ġodda ta’ sitt sulari fil-qalba ta’ Tas-Sliema, PressEnter se tibqa’ tkun xhieda tat-tkabbir kontinwu ta’ Malta f’dan is-settur,” qal il-Ministru Schembri f’konferenza tal-aħbarijiet.

Huwa beda d-diskors tiegħu billi nnota kif ir-reżiljenza tas-settur tal-iGaming matul dan iż-żmien irriżulta fi tkabbir bla preċedent f’dan is-settur. 

“PressEnter żiedet b’erba’ darbiet il-forza tax-xogħol tagħha fi 12-il xahar biss u qiegħda tfittex b’mod attiv li żżid l-ammont ta’ ħaddiema għal minn tal-inqas 250 persuna sas-sena d-dieħla, li jfisser 150 impjieg ġdid,” qal il-Ministru Schembri li żied jinnota wkoll kif 25% tal-ħaddiema attwali tagħhom huma Maltin. 

“Aktar minn hekk, PressEnter bl-impjegati tagħha ġejjin minn 21 nazzjon differenti hi turija ċara li Malta hija ġurisdizzjoni li tilqa’ u tinkoraġġixxi ambjent multikulturali. Dan iħeġġiġna biex inkomplu ninvestu fl-edukazzjoni biex niżguraw li Malta trawwem aktar talent lokali f’dan is-settur u anke lil hinn.”

Kien hawn fejn semma kif permezz ta’ GamingMalta u l-kollaborazzjoni bejn l-MCAST u l-Awtorità Maltija dwar il-Logħob, madwar 52 student iggradwaw f’dan il-qasam li jwitti t-triq għal karriera f’dan is-settur.

Huwa enfasizza wkoll li “qegħdin nabbraċċaw il-viżjoni ekonomika ta’ dan il-pajjiż li twassal għal pjanijiet fit-tul, bl-innovazzjoni tibqa’ fil-qalba tagħha. Bħala Gvern qegħdin ninvestu l-enerġija kollha tagħna biex kemm jista’ jkun malajr inneħħu lil Malta mil-lista l-griża tal-FATF.”

Il-Ministru Schembri temm jgħid li l-impenn ta’ PressEnter se jservi ta’ eżempju ċar sabiex l-industrija u dawk kollha jagħmlu parti minnha, jagħtu sehemhom huma wkoll sabiex dawn l-isfidi jiġu megħluba.

Ekonomija

Sport