Fl-investiment qawwi li qed jagħmel il-Gvern f’bosta setturi, il-parti l-kbira ta’ dan l-investiment qed tkun dedikata mhux biss għal dawk li għad iridu jidħlu fid-dinja tax-xogħol imma wkoll għall-ħaddiema li diġà huma f’impjieg. Dan bil-għan li l-ħaddiem ikun imħarreġ tajjeb għaż-żmien li ġej.
F’intervista ma’ IT-TORĊA, il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi tkellem dwar it-twettiq tal-manifest elettorali Malta Flimkien u l-prijoritajiet li għandhom jiġu indirizzati anke fid-dawl tal-Viżjoni Malta 2050.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi enfasizza li rridu nkomplu ninvestu aktar f’dak li jirrigwardja l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ħaddiema. “Irridu nifhmu li pajjiżna dejjem irnexxa għax kellna t-talent it-tajjeb għaż-żminijiet. Però rridu nifhmu t-tip ta’ ħiliet li għandu bżonn il-pajjiż qed ikomplu jevolvu.”
“Mhux biss min għadu dieħel fid-dinja tax-xogħol irridu naraw li jkun imħarreġ għaż-żmien li ġej, imma anke min diġà qiegħed fid-dinja tax-xogħol biex ikun hemm fehim ċar u b’mod strutturat għal aktar reskilling u upskilling. B’hekk in-nies ikunu preparati u mħarrġa sabiex pajjiżna jibqa’ jkun dak il-post bl-aħjar ħiliet fir-riżorsi umani,” tenna l-Ministru Zrinzo Azzopardi.
Mistoqsi dwar x’inhuma l-aktar inizjattivi importanti li ġew imwiegħda qabel l-elezzjoni tal-2022 u li fil-fatt twettqu, il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li hemm ħemel ta’ miżuri li wieħed jista’ jitkellem fuqhom, b’mod partikolari dawk fil-qasam soċjali.
Hawn semma kif il-Gvern baqa’ jsaħħaħ il-pensjonijiet sena wara l-oħra, kif għamel ukoll fiċ-children’s allowance. Barra minn dan hemm ukoll it-tnaqqis fit-taxxa għall-ħaddiema kollha u t-tnaqqis tat-taxxa addizzjonali fejn jidħlu l-ġenituri.
Il-Ministru tkellem ukoll dwar il-qasam ambjentali u rrefera għad-diversi proġetti ta’ spazji miftuħa u ġonna li twettqu. Issa l-Gvern qiegħed jimbarka fuq proġetti ta’ portata akbar bħalma huma dawk f’Manoel Island u l-White Rocks.
B’żieda ma’ dan, hemm ukoll l-impenn tal-Gvern fejn jidħol is-settur edukattiv, fejn kien hemm wegħdi marbuta ma’ skejjel ġodda u rinovar ta’ skejjel, li dawn il-miri ntlaħqu wkoll.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal ukoll li f’din il-leġiżlatura ġew konklużi u ffirmati numru rekord ta’ Ftehimi Kollettivi, li tejbu b’mod sostanzjali d-dħul finanzjarju tal-ħaddiema. Fl-istess waqt baqgħet tissaħħaħ il-paga minima nazzjonali u anke ddaħħlu tipi ġodda ta’ leave.
Anke fil-qasam kulturali sar investiment qawwi, kompla jgħid il-Ministru Zrinzo Azzopardi. Dan filwaqt li qal li sar ukoll investiment fuq proġetti infrastrutturali madwar il-pajjiż.
It-track rekord tal-Gvern li jwettaq dak li jwiegħed
Dwar l-implimentazzjoni tal-programm elettorali, il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li l-Gvern Laburista għandu track record li meta jwiegħed ikun jaf kif se jkun qiegħed iwettaq.
“Il-wegħdi jridu jkunu jiffurmaw parti minn pjan ċar u jrid ikun hemm viżjoni u inti trid tkun ċert li dak li qiegħed twetaq għandek pjan ċar ħafna li dak li qed twiegħed se tkun qiegħed timplimentah. Naturalment inti u miexi ċertu dettall ikun irid jiġi aġġornat jew inti u qed timplimenta jkun hemm sfidi li ma jkunux previsti. Ma tista’ qatt tħares jew tagħmel bħalma rajna taħt amministrazzjonijiet preċedenti Nazzjonalisti li l-għada tal-elezzjoni, il-Gvern minflok isib il-metodu kif jimplimenta dak li qal qabel l-elezzjoni aktar ikun moħħu fir-raġunijiet għalfejn mhux se jagħmel dak li wiegħed.
“Naħseb in-nies dik ir-realtà qed jinnutawha u nemmen li hi waħda mir-raġunijiet għalfejn il-Partit Laburista għadu jgawdi l-fiduċja b’saħħitha tal-poplu inġenerali,” tenna l-Ministru Zrinzo Azzopardi.
“Id-diskussjonijiet dwar il-fondi Ewropej f’mument importanti ħafna”
Bħala Ministru li huwa responsabbli mill-Fondi Ewropej, saqsejnieh ukoll dwar x’jara li hi t-triq ’il quddiem fir-rigward tal-fondi Ewropej għal Malta. Huwa qal li d-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa b’rabta mal-fondi Ewropej huma f’mument importanti ħafna. Dan hekk kif qed ikun imfassal dak li se nkunu qed niksbu għas-snin li ġejjin.
“Malta se tkompli tieħu pożizzjonijiet biex tara li tikseb l-aħjar pakketti finanzjarji għaż-żmien li ġej. Imma naħseb l-aktar affarijiet importanti huma: li nibqgħu nkunu ċari fil-viżjoni ta’ fejn irridu nieħdu lil Malta u nkomplu nispjegaw għalfejn pajjiżna minkejja tkabbir ekonomiku, għad għandu bżonn u se jibqa’ jkollu bżonn investiment ta’ fondi Ewropej.
“Irridu nkomplu naraw li dan lil-pajjiż ikollu l-investiment kollu meħtieġ biex jibqa’ jkun lok ta’ tant u tant xogħol. Għalkemm pajjiżna għamel avvanzi kbar għad fadal diversi inizjattivi infrastrutturali u oħrajn fuq livelli differenti li rridu nindirizzaw.
“F’dak kollu li nipproponu, li naraw li ninnegozjaw, irridu nħarsu lejh fil-qafas ta’ x’inhuma l-prijoritajiet ta’ pajjiżna b’mod struttrat għaż-żmien li ġej biex il-programm li jmiss ikun ta’ suċċess u jagħtina wkoll s-sostenn finanzjarju bħalma rnexxielna niksbu fl-aħħar snin,” tenna l-Ministru Zrinzo Azzopardi.
30 sena ta’ attiviżmu fil-PL… “inħoss li għandi nibqa’ nagħti kontribut”
Mistoqsi dwar il-ħidma tiegħu fil-Partit Laburista, anke fid-dawl li huwa ddeċieda li ma jikkontestax l-elezzjoni ġenerali, il-Ministru jgħid li “nitkellem fuq 30 sena ta’ attiviżmu fil-PL, f’livelli u oqsma differenti.”
“Ħdimt kemm fl-istrutturi tal-partit, servejt għal 10 snin bħala President tal-PL. Dejjem kont fuq quddiem biex naraw li l-partit jaġġorna ruħu u nagħmlu t-tibdil kollu meħtieġ skont il-ħtiġijiet taż-żminijiet biex il-partit jibqa’ aġġornat.
“Illum ngħid li kelli l-unur li għal żewġ leġiżlaturi ġejt elett fil-Parlament mill-ħames distrett elettorali. Nirringrazzja lil dawk kollha li urew fiduċja fija kif nirringrazzja lil dawk kollha li kienu ta’ għajnuna għalija f’dan il-perkors kollu.
“Jiena ma nistax ma nkunx parti mill-ħidma tal-Partit Laburista. Inħoss li għandi nibqa’ nagħti kontribut biex dak li jkun meħtieġ kemm illum kif ukoll fiż-żmien li ġej inkun parti, għax fl-aħħar mill-aħħar nemmen bi sħiħ li l-PL hu l-forza politika li għandu viżjoni li se tkompli tagħti is-suċċessi lil dan il-pajjiż.
“Nemmen li l-ħajja hi evoluzzjoni, tkompli miexja ’l quddiem. Però li tagħti l-kontribut fil-PL ma jfissirx biss li tikkontesta imma hemm ħafna xogħol politiku li jrid isir kemm fuq livell elettorali u anke minn żmien għal żmien, li nħares ’il quddiem li nibqa’ nkun ta’ kontribut kif iħoss l-aħjar il-PL,” temm jgħid il-Ministu Stefan Zrinzo Azzopardi.

