Tħabbret Espressjoni ta’ Interess għall-kunsilli reġjonali sabiex jibbenefikaw minn skema għall-iżvilupp u titjib ta’ latrini pubbliċi awtomatiċi f’lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, b’investiment ta’ aktar minn żewġ miljun ewro.
Dan ġie mħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli flimkien mad-Direttorat għall-Implimentazzjoni tal-Istrateġija u Politika fi ħdan id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali.
Ġie spjegat li kull kunsill reġjonali għandu l-opportunità li jibbenefika minn fond sa massimu ta’ €360,000 li minnu għandhom jibbenefikaw minimu ta’ 6 kunsilli lokali fi ħdan kull kunsill reġjonali.
Hija saħqet li din l-iskema ser twassal għal latrini aktar adegwati li joffru aktar iġjene, sigurtà, indafa u aċċessibbiltà, li huma fundamentali għad-dinjità tal-bniedem. “Din l-iskema hi waħda minn sensiela ta’ assistenza finanzjarja li l-Gvern Lokali qiegħed jagħti lill-kunsilli lokali sabiex itejbu u jwasslu s-servizzi pubbliċi eqreb lejn iċ-ċittadini,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali Natalino Attard sostna li, “Il-vantaġġ li din l-iskema ser tiġi koordinata fuq bażi reġjonali huwa li l-uffiċjali professjonali tal-kunsilli reġjonali ser jassistu lill-kunsilli lokali fi ħdanhom sabiex jimplimentaw dan il-proġett fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, l-implimentazzjoni tal-latrini pubbliċi mistennija li ssir b’mod aktar effettiv u ekonomiku, minħabba l-prinċipju ta’ economies of scale.”