Monday, December 9, 2024

Investiment ta’ aktar minn €5 miljun fi programm artistiku għal tfal u żgħażagħ b’diżabilità

Aqra wkoll

B’investiment ta’ aktar minn €5 miljun fuq ħames snin, il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, qed jappoġġja lill-Malta Trust Foundation, bis-salarji ta’ professjonisti biex jissaħħaħ il-programm estensiv ta’ mużika u arti terapewtika mmirat lejn it-tfal u ż-żgħażagħ b’diżabilità, li għandhom bejn 5 u 35 sena.

Il-programm tal-Malta Trust Foundation, li ilu mill-2021 f’Malta, se joffri sessjonijiet terapewtiċi speċjalizzati li jinkludu terapija tal-mużika, tagħlim adattat tal-mużika, arti espressiva, terapija taż-żfin, kif ukoll appoġġ lil familji tat-tfal u taż-żgħażagħ li jattendu fiċ-Ċentru għal Mużika u l-Arti tal-Malta Trust Foundation.

Dan ħabbritu l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, flimkien maċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation, il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, fil-preżenza tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Mark Musu.

Dan il-programm f’Ta’ Saura fir-Rabat se jkun mmirat li jilħaq sa 500 persuna fil-ġimgħa, b’sessjonijiet li jvarjaw bejn siegħa u tliet sigħat u li jsiru bejn it-Tnejn u s-Sibt. Kull individwu se jkollu pjan personalizzat ta’ attivitajiet u terapiji, magħmul skont il-bżonnijiet speċifiċi tiegħu u f’kollaborazzjoni mal-ġenituri jew il-kustodji tiegħu. Dawn il-pjanijiet se jiġu mmaniġġjati minn tim ta’ professjonisti speċjalizzati fil-qasam.

Il-Ministru Julia Farrugia fissret kif il-Gvern se jkompli jinċentiva programmi u inizjattivi simili li jgħinu nies b’diżabilità jgħixu ħajja aħjar fil-komunità. “Dan il-programm mhux biss se joffri sapport terapewtiku għal dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna, iżda se jagħti wkoll spazju ta’ espressjoni kreattiva li jgħin lil dawn it-tfal u ż-żgħażagħ jiskopru u jiżviluppaw it-talenti tagħhom. Bħala Gvern, ninsabu impenjati biex noħolqu opportunitajiet li jtejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ persuni b’diżabilità, u dan il-proġett huwa pass konkret f’din id-direzzjoni.”

Min-naħa tagħha,  ċ-Chairperson ta’ The Malta Trust Foundation Marie-Louise Coleiro Preca qalet li “Dan il-ftehim se jgħin biex issaħħaħ il-programm ta’ mużika u arti għal tfal u żgħażagħ b’diżabilità.  Fi tliet snin li ilna naħdmu b’dan il-programm, rajna ħafna żvilupp ta’ potenzjal kif ukoll ta’ talent u abbiltajiet fit-tfal u fiż-żgħażagħ li attendew u qed jattendu. L-għajnuna tal-gvern fil-ħlas tas-salarji tal-professjonisti hija għajnuna kbira, biex inkomplu niżviluppaw dan il-programm li matul dawn l-aħħar snin ġie ffinanzjat kollu kemm hu, minn membri tal-komunità tan-negozju f’pajjiżna.  Bl-għajnuna tal-gvern fuq is-salarji se nkunu nistgħu bil-fondi li niġbru  nsaħħu u ninvestu fl-operat tagħna.”

Biex jiġi żgurat monitoraġġ u evalwazzjoni kontinwa tal-programm, ġew iffurmati żewġ kumitati ewlenin. Taskforce, li jinkludi rappreżentanti mill-ministeru, Aġenzija Sapport u The Malta Trust Foundation, se jiltaqa’ kull tliet xhur biex jiddiskuti progress, inizjattivi ġodda, u jagħmel rakkomandazzjonijiet għall-koperazzjoni futura. Barra minn hekk, kumitat ta’ esperti, magħmul minn tliet esperti esterni fl-arti terapewtika, se jwettaq evalwazzjoni annwali tal-programm biex din tiġi ppreżentata lit-Taskforce.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport