Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, flimkien maċ-Ċermen tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia, żaru l-programm tax-xogħlijiet u inizjattivi oħra li saru waqt l-għeluq temporanju tal-akwarju. L-Akwarju Nazzjonali Malti li huwa ggvernat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, kien għaddej b’numru ta’ xogħlijiet u proġetti varji waqt COVID-19 li jammontaw għal aktar minn €600,000.
L-għeluq taċ-ċentru serva bħala opportunità sabiex isiru proġetti ta’ manutenzjoni u inizjattivi varji. Uħud mill-attrazzjonijiet u żoni oħra tal-akwarju ġew immexxija, filwaqt li tbattlu tankijiet li setgħu kienu qed jiddisturbaw lill-viżtaturi. Temi ġodda ġew ikkreati u numru ta’ ħut u korali kienu mqassma f’tankijiet alternattivi. Ix-xogħlijiet li huma stmati li jkunu lesti f’qasir żmien jagħtu lok biex l-akwarju jkun lest biex jerġa’ jiftaħ b’attrazzjonijiet u esperjenzi rikki ghall-viżitaturi.
Żona ġdida ta’ kwarantina ġiet żviluppata fil-proċessi regolari ta’ kwarantina meta jiġu ħut ġdid għall-esebizzjonijiet pubbliċi. Din tinvolvi ristrutturar ta’ kurituri li jintużaw għas-servizzi mill-ħaddiema u jinkludu wkoll xogħlijiet ta’ servizzi tal-ilma, ħarsien tal-livell tal-umdità, u affarijiet oħra li jtejbu l-operat. Dawn it-tibdiliet se jkunu qed imexxu ż-żona l-antika ta’ kwarantina fi spazju alternattiv sabiex potenzjalment jinfetħu ħames tankijiet ġodda fil-futur qarib, ġaladarba din iż-żona tinsab biswit żona oħra li hija miftuħa għall-pubbliku. Hemm ukoll pjanijiet avvanzati sabiex issir esebizzjoni marbuta ma’ foresti li huma kkaratterizzati mix-xita, u jikkumplimentaw l-użu kurrenti tat-tankijiet li jinsabu fl-akwarju.
Investiment ieħor sar fis-sistema li tirregola l-kesħa fl-akwarju – wieħed jifhem kemm dan huwa investiment importanti, għall-fatt li l-ħut kollha jgħixu f’temperaturi differenti, anki fid-dawl li fis-sajf dawn is-sistemi jkollhom jaħdmu aktar minħabba t-temperaturi sajfin. Ukoll, ġew installati numru ta’ sistemi ta’ dawl madwar iċ-ċentru kollu permezz ta’ dawl li jaħdem b’enerġija effiċjenti u li jipprovdi dawl aktar ċar u penetranti, b’funzjonijiet diversi li jinkludu użu ta’ kuluri ġodda kemm fuq barra u kif ukoll fuq ġewwa, partikolarment fit-tankijiet tal-ħut, kurituri u fir-restorant.
L-Akwarju Nazzjonali Malti ħadem ukoll fuq żewġ proġetti edukattivi mal-Università ta’ Malta li jikkonsistu f’esibizzjonijiet – waħda titratta għar bit-tjur u għasafar u bird cave, u żona ta’ konservazzjoni ambjentali bl-għan li teduka fuq il-konservazzjoni u r-riċiklar, b’vetrini attraenti u informattivi għal kull età. Permezz tal-immaġinazzjoni u l-kreattività, din iż-żona mistennija toħloq kunċetti ġodda permezz tal-iskart riċiklabbli li narmu ta’ kuljum. Proġett ieħor jitratta vetrina ġdida bbażata fuq it-teknoloġija tal-akwaponika. Din il-vettrina tispjega kif b’mod sostenibbli l-akwaponika tista’ tkun ta’ benefiċċju f’pajjiżi u territorji b’aċċess limitat għall-ilma, elettriku, u ħamrija fertili.
Attrazzjoni ġdida u unika hija l-‘Foresta tal-Amażonja’. Din l-attrazzjoni se tkun qed tesebixxi karatteristiċi uniċi b’tema tal-foresta tal-Amażonja. Terz tal-ispeċi fid-dinja jinsabu fl-Amażonja u dawn jinkludu numru ta’ rettili, insetti, u varjetà wiesgħa ta’ ħut. F’din iż-żona se jkun hemm bejn wieħed u ieħor minn erba’ sa ħames vetrini li jagħtu togħma ta’ din il-foresta: waħda fl-istaġun marbut max-xita u oħra fi staġun b’temp aktar xott.
II-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli stqarret li b’investiment ta’ aktar minn €600,000, l-Akwarju Nazzjonali ħa vantaġġ mis-sitwazzjoni preżenti tal-COVID-19 billi għamel esperjenza aktar rikka f’wahda mill-aktar siti ffrekewentati mill-familji, kemm ta’ turisti kif ukoll Maltin, bl-għan li nkomplu nsaħħu l-prodott turistiku Malti. Ic-Ċermen tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia żied jgħid li investiment ta’ din ix-xorta bejn is-settur privat u entitajiet governattivi jiżguraw is-sostenibbiltà fit-turiżmu meta nippjanaw li nerġgħu niftħu s-siti tagħna. Mark Pace, id-Direttur tas-Sales u l-Marketing stqarr li waqt iż-żmien ta’ għeluq temporanju taċ-ċentru, barra l-investiment infrastrutturali u tekniku, huma komplew iżommu lis-segwaċi tagħhom attivi permezz ta’ taħdidiet edukattivi u interattivi u żied jgħid li l-akwarju huwa ppreparat u armat lest biex jiftaħ meta jkun possibbli li dan isir.