Wednesday, July 24, 2024

Investiment ta’ €12.5 miljun minn Magro Brothers li se jirdoppja l-produzzjoni tagħhom

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri flimkien mal-Ministru għall-Ekonomija, Intrapriza u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri żaru l-kumpanija Magro Brothers fix-Xewkija li ħabbret investiment ta’ €12.5 miljun. Dan l-investiment mifrux fuq erba’ snin (2024-2028) u maqsum fi tliet fażijiet se jwassal sabiex Magro Brothers jirduppjaw il-produzzjoni tagħhom ta’ table sauces li preżentament jiġu esportati għal madwar 22 pajjiż Ewropew.

Matul l-aħħar snin, il-kumpanija esperjenzat tkabbir sostanzjali fl-esportazzjonijiet tagħha ta’ table sauces u matul l-2024 laħqet il-kapaċità sħiħa tal-produzzjoni. Dan l-investiment il-ġdid se joħloq il-bżonn ukoll ta’ 15-il technician speċjalizzat u bħala multiplier effect se jinħoloq il-bżonn għal 28 ħaddiem full-time. Barra minn hekk, il-konsum tal-enerġija se jonqos u permezz ta’ dan il-proċess il-konsumatur se jkun jista’ wkoll jirriċikla l-fliexken li se jkunu 100% riċiklabbli.

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri stqarr li huwa dejjem ta’ sodisfazzjoni għalih kull meta jżur din il-kumpanija li kontinwament tinvesti sabiex issaħħaħ l-operat tagħha, tinvesti fil-ħaddiema tagħha u tkabbar u tilħaq niċeċ ġodda ta’ investiment mhux biss f’pajjiżna iżda wkoll barra minn xtutna. Kompla jgħid li “dan l-investiment li se jikkonsisti fl-iktar teknoloġija riċenti li hawn fid-dinja fejn tidħol produzzjoni ta’ table sauces se jiġġenera aktar xogħol għal Għawdex u l-Għawdxin. Huwa dak li rridu naraw aħna bħala Gvern, kumpaniji li jkomplu jikbru u joħolqu x-xogħol f’pajjiżna.”

Il-Ministru għall-Ekonomija, Intrapriza u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri qal din il-familja hija eżempju ċar li anke għall-pajjiż żgħir bħal tagħna, hemm possibiltajiet kbar. Dan il-Gvern irnexxilu joħloq ambjent f’pajjiżna, t’eko-sistema fejn grazzi għax-xogħol tal-entitajiet tagħna, bħal Malta Enterprise u INDIS mas-settur privat, flimkien qed inkomplu nilqħu miri ġodda. “B’dan il-proġett Magro Brothers mhux biss se jkunu qed ikomplu jżiedu l-operat tagħhom, iżda qed jimxu wkoll fuq il-prinċipji li qed inħaddnu bħala Gvern dawk tas-sostenibbiltà u qed jinvestu wkoll biex jaħdmu bi prattiċi li jħarsu l-ambjent.”

Min-naħa tiegħu s-Sur Chris Magro, Kap Eżekuttiv ta’ Magro Brothers, qal li “permezz ta’ dan l-investiment, il-kumpanija tista’ tirdoppja l-produzzjoni tat-table sauces immirati aktar lejn is-suq internazzjonali. Dan ifisser li l-kumpanija se tkun ta’ daqs u livell tal-aqwa ħames kumpaniji Ewropej f’dan is-settur.”

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri temm billi rringrazzja lil Magro Brothers tal-ħidma tagħhom fis-settur u awguralhom kull suċċess għal dan l-investiment ġdid li se jidħlu għalih.

Ekonomija

Sport