Wednesday, July 24, 2024

Ġuvni akkużat li hedded lil ommu, lil missieru u lil oħtu

Aqra wkoll

Ġuvni ta’ 23 sena li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Maġistrat tressaq il-Qorti fejn ġie akkużat li hedded u kkaġuna biża’ fuq ommu, missieru u fuq otħu li għadha minuri.

Il-Prosekuzzjoni mexxija mill-Ispettur Colin Sheldon qal li fit-13 ta’ Mejju li għadda, l-vittmi talbu l-assistenza tal-pulizija wara argument li kien hemm meta l-akkużat ikkaġuna biża’ fuqhom. L-Ispettur qal li kienu l-ġenituri tal-aħwa li rraportaw lil binhom fejn irraportaw li spiss ikunu mbeżżgħin minnhom tant li kien ikollhom jissakru f’waħda mill-kmamar tad-dar.

L-Ispettur qal li meta l-pulizija tkellmu mal-akkużat ħasseb li kien ikun ħażin li jerġa’ jirritorna fid-dar mal-familja. Missier l-akkużat qal lill-pulizija li meta huma waslu fuq il-post, il-ġuvni kien qallhom li kien se jagħmel xi ħaġa lil oħtu.

Il-ġuvni li fil-Qorti qal li bħalissa mhux qiegħed jaħdem wieġeb mhux ħati. Id-difiża mexxija mill-Avukat Charles Mercieca talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-Prosekuzzjoni tgħid li jekk il-Qorti tilqa’ din it-talba trid troħroġ ordni tal-protezzjoni fuq il-familja kollha.

Il-Maġistrat Monica Vella laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet fosthom li jiffirma l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa, li jgħix man-nanna tiegħu, li jiddepożita s-somma ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000 u li ma jagħmilx kuntatt mal-familja tiegħu.

Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni fuq il-vittmi.

Ekonomija

Sport