Investiment ta’ €2.85 biljun fil-qasam soċjali

Aqra wkoll

L-investiment fil-qasam soċjali għall-2027 se jilħaq it-€2.85 biljun, li minnhom kważi €2.2 biljun se jkunu ddedikati għall-pensjonijiet, il-benefiċċji u s-servizzi soċjali.

Kien il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja Dr Michael Falzon li ħabbar dan waqt id-dibattitu parlamentari dwar l-estimi għal dan il-Ministeru.

Huwa stqarr li l-investiment tal-Ministeru jiżboq dawk tal-Ministeri kollha. Fost il-miżuri ewlenin f’dan il-Budget hemm iż-żieda ta’ €10 fil-ġimgħa fil-pensjonijiet, li tinkludi ż-żieda għall-għoli tal-ħajja. Din hija parti mill-wegħda li l-pensjonijiet jiżdiedu b’€50 fil-ġimgħa tul il-leġiżlatura.

“Il-pensjonanti, taħt dan il-Gvern, fis-sena 2027, se jieħdu t-12-il żieda konsekuttiva fil-pensjoni tagħhom. Bejn l-1988 u l-2012, il-pensjonanti rċevew €23 fil-ġimgħa inqas mill-COLA. Bejn l-2013 u l-2027, il-pensjonanti se jkunu rċevew €30.66 fil-ġimgħa aktar mill-COLA,” qal il-Ministru Falzon.

Huwa tkellem dwar ir-riformi li saru biex jitneħħew l-anomaliji. Qal li anomalija li s-sena d-dieħla ser tkun qabel tal-aħħar biex tintemm kompletament, hija dik li tapplika għal dawk il-pensjonanti mwielda qabel l-1962.

“Bit-tibdil li qed inwettqu d-distakk fir-rati ta’ dawk milquta ser ikun naqas sew fl-2027 u se jkun tneħħa kompletament sal-2028 billi l-istess ceiling li japplika għal dawk mwielda wara l-1962 japplika wkoll għall-pensjonanti kollha.”

Huwa semma kif anomalija oħra li se tkun qiegħda titneħħa tolqot lill-pensjonanti romol, fejn mis-sena d-dieħla se jkunu intitolati għal pensjoni sħiħa taż-żewġ terzi.

Il-Ministru Falzon tenna li waħda mill-miżuri importanti f’dan il-budget hi dik li jsir trasferiment ta’ kontribuzzjonijiet bejn il-konjuġi filwaqt li rrefera wkoll għaż-żieda fil-bonus għal dawk li xorta mhux se jikkwalifikaw għal pensjoni. Barra minn hekk, huwa tkellem dwar il-benefiċċju addizzjonali għall-għoli tal-ħajja kif ukoll iż-żieda mħabbra fil-Carer’s Grant.

Il-Ministru kompla billi għamel aċċenn għal żviluppi oħra tal-politika soċjali. Qal li żewġ oqsma ewlenin li dalwaqt se jaraw l-adozzjoni ta’ politiki ġodda huma l-aftercare u l-kapaċità finanzjarja.

Dwar il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), il-Ministru qal li din kienet sena impenjattiva għal din il-fondazzjoni li mill-ġdid kienet fuq quddiem nett biex twassal għadd dejjem jikber ta’ servizzi lill-aktar nies vulnerabbli. F’dan il-kuntest, huwa semma tliet servizzi ġodda mnedija mill-FSWS matul din is-sena: id-Debt Advisory Service, Stop it Now Malta!, u l-helpline għar-Revenge Porn (Linja 1779). 

Fl-istess dibattitu intervjenew id-Deputati Laburisti Mariah Meli, Yana Borg Debono Grech, Anthony Agius Decelis u Rebecca Buttigieg li enfasizzaw fuq l-impatt pożittiv li se jħallu l-miżuri tal-Budget fuq il-familji, il-pensjonanti u setturi oħra tas-soċjetà.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo staqsa jekk il-Gvern hux lest jadotta strateġija nazzjonali kontra s-solitudni u jekk hux se jkun hemm riċerka u ġbir ta’ dejta sabiex nifhmu aħjar kemm hi mifruxa din l-isfida.

Bartolo staqsa wkoll kif jista’ jissaħħaħ ir-rwol tal-Kunsilli Lokali u tal-għaqdiet volontarji sabiex jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ kuntatt u parteċipazzjoni.

Huwa saħaq li m’għandniex biss nitkellmu dwar is-solitudni, iżda jeħtieġ li jkun hemm politika konkreta li twassal għar-riżultati. Żied jgħid li l-faqar mhux dejjem jidher fil-kont bankarju, “kultant jidher f’dar fejn ħadd ma jċempel, f’persuna li m’għandha lil ħadd ma’ min titkellem u f’ħajja fejn wieħed ma jibqax iħossu partu mis-soċjetà.”

Bartolo tenna li l-aqwa budget ikun dak li jwassal biex ħadd f’pajjiżna ma jħossu minsi, waħdu jew iżolat. Irrefera wkoll għall-istrateġija kontra l-faqar u qal li din għandha tgħaqqad ix-xogħol, l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali f’politika waħda, dik tal-ġlieda kontra l-faqar.

Temm jisħaq li l-għan tal-politika soċjali hu meta tinħoloq soċjetà li tkun komda tgħix fiha, li tgħin, imma li tagħti wkoll iċ-ċans lil kull persuna biex l-isfida ssir passat.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport