Friday, December 20, 2024

INVESTIMENT TA’ €20 MILJUN MIR-RYANAIR

KONSOLIDAMENT TAS-SETTUR TAL-AVJAZZJONI F’PAJJIŻNA

Aqra wkoll

Nhar it-Tlieta li għadda, tħabbar proġett importanti għal Malta, investiment mir-Ryanair ta’ €20 miljun f’żona fl-ajruport ta’ Malta biex isir il-manutenzjoni u t-tiswija tal-ajruplani tar-Ryanair f’Malta. 

Dan l-investiment huwa sinjal ċar li dak illi fassal l-gvern fil-viżjoni ekonomika tiegħu għall-10 snin li ġejjin u dak illi ħabbar fil-Bagit 2022 mhuwiex biss kliem fieragħ imma huwa konkret u qed jagħti l-frott tiegħu bi proġetti kbar, b’investiment barrani, b’investiment li se jwassal għal aktar xogħol diċenti u għal aktar tkabbir ekonomiku. 

Dan il-proġettt huwa sinjal ċar illi l-kredibilità ta’ pajjiżna fuq livell intenazzjonali hija b’saħħitha. Dan il-proġett se jkompli jikkontribwixxi wkoll għal tnaqqis fin-numru ta’ nies qegħda f’pajjiżna billi joħloq mal-250 impjieg ġdid. Ta’ min wieħed ifakkar illi kif ippubblikat fir-rapport annwali tal-Jobs Plus 2021, Malta, irreġistrat waħda mill-inqas rati ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea – 3.4% kontra r-rata medja fl-UE ta’ 6.4%.

Dan il-proġett jixhed kemm is-settur tal-avjazzjoni Malti qed jikber b’pass mgħaġġel. Ta’ min wieħed jinnota li dan il-proġett huwa wieħed minn serje ta’ investimenti barranin oħrajn ta’ suċċess f’pajjiżna inkluż; il-Lufthansa Technik, SR Technics u Aviation Cosmetics. Tkabbir li Malta qed tesperjenza wkoll fis-settur tal-ajruplani żgħar privati permezz ta’ kumpaniji internazzjonali fosthom; VistaJet, Comlux, Orion Malta u Carree. 

Dan il-proġett jagħti ħajr lill-Malta Enterprise u l-INDIS Malta li qed jaħdmu qatigħ biex pajjiżna tassew ikun ċentru kummercjali u ekonomiku ta’ eċċellenza. Wegħda li dan il-Gvern għamel meta ħa r-riedni tal-pajjiż fl-2013 u li ghadu jsostni fl-strategiji tieghu, fil-viżjoni tiegħu, fil-progett li qed jimplimenta u fl-investiment barrani li qed iressaq lejn pajjizna. 

Dan kollu jieħu dimensjoni akbar meta wieħed jikkunsidra iż-żminijiet li qed ngħixu fihom, l-isfidi li qed iġġib magħha l-gwerra fl-Ukranja, l-impatt li ħalliet il-pandemija COVID-19 u l-isfidi ekonomiċi li qed jesperjenzaw pajjiżi ġirien tagħna. 

Tassew, dan il-proġett huwa wkoll punt ta’ tluq fejn Malta tista’ tasal gġada, fejn il-gvern jista’ jasal bl-ambizzjonijiet u l-miri tiegħu u fuq kollox fejn flimkien nistgħu naslu għal Malta aħjar, Malta protagonista, Malta ċentru ta’ eċċellenza. 

Ekonomija

Sport