Saturday, November 9, 2024

Investiment ta’ €30,000 għal tliet dgħajjes paralimpiċi

Aqra wkoll

Bl-iskop li tispira ġenerazzjoni ġdida ta’ nies li japprezzaw il-parasailing u b’dan l-isport fuq nett tal-aġenda sportiva, Yachting Malta (YM) xtrat tliet dgħajjes Hansa 303 b’investiment ta’ €30,000.

Dawn id-dgħajjes ġew imnedija mill-Ministru Aaron Farrugia u Dr Lydia Abela fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv ta’ Yachting Malta John Huber.

Il-mudell Hansa 303 huwa ddisinjat biex jakkomoda baħħara b’diżabilità, u jakkomoda firxa wiesgħa ta’ diżabilitajiet. Din it-tip ta’ dgħajsa ntużat għall-ewwel darba fil-kampjonat Para World Championships fl-2017. Ħafna baħħara u kompetituri jsibu dan il-mudell faċli biex jintuża. Il-Hansa 303 tbaħħar f’aktar minn 28 pajjiż u hija rikonoxxuta bħala World Sailing Class.

Yachting Malta qed tikkollabora mal-Malta Sailing Federation biex tiżviluppa programmi ta’ tbaħħir adattiv li jipprovdu aċċess bla restrizzjonijiet għal persuni b’diżabilità.

Il-Ministru Farrugia qal li dan l-investiment se jintroduċi opportunitajiet ta’ tbaħħir aċċessibbli għal Malta li huwa pass sinifikanti għal dan is-settur li dejjem qed jikber. Spjega li inizjattivi bħal dawn huma parti mill-iżvilupp tas-settur tal-jottijiet bħala niċċa ekonomika aċċessibbli u sostenibbli, li tibbenefika kemm lis-settur sportiv kif ukoll dak turistiku.

Dr Abela qalet li dan l-investiment mhux biss se jagħmel dan l-isport aċċessibbli għal kulħadd iżda se jassigura l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità fl-industrija tat-tbaħħir.

Waqt l-attività ġew inawgurati wkoll l-uffiċċji l-ġodda ta’ Yachting Malta. L-uffiċċji li kienet tagħmel użu minnhom qabel kienu 16-il metru kwadru fil-binja tar-Royal Malta Yacht Club, filwaqt li issa Yachting Malta se tibda topera minn faċilità ta’ 71-il metru kwadru f’Sa Maison House, li hija żona b’faċilitajiet aħjar.

L-irwol primarju ta’ YM huwa li tidentifika u tattira attivitajiet li jinvolvu jottijiet ta’ profil għoli lejn il-gżejjer Maltin, inkluż regatti, power racing, wirjiet tad-dgħajjes, premjijiet u konferenzi tal-jottijiet. YM għandha l-għan ukoll li ttejjeb il-kwalità u t-tkabbir ta’ avvenimenti li huma diġà stabbiliti.

Sport