Wednesday, April 24, 2024

Investiment ta’ €32.8 miljun biex jiġi stabbilit ċentru ta’ riċerka internazzjonali fl-MCAST

Aqra wkoll

Il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrateġija wara COVID-19 Owen Bonnici, flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana, żaru ċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-MCAST li għadu kemm inbena u li se jiftaħ il-bibien tiegħu għall-istaff u l-istudenti sas-sena akkademika l-ġdida f’Ottubru.

Iċ-Ċentru tar-Riżorsi huwa parti minn proġett b’investiment ta’ €32.8 miljun kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea. Huwa parti mill-pjan strateġiku tal-kulleġġ għall-edukazzjoni vokazzjonali, ir-riċerka u l-faċilitajiet tal-kampus li se jkomplu jistabbilixxu l-kulleġġ bħala ċentru ta’ eċċellenza. Iċ-ċentru bl-aqwa teknoloġija, li jinkludi librerija ġdida, spazji flessibbli għat-tagħlim u awditorju, ser iżid il-ħidma tal-kulleġġ fir-riċerka u l-innovazzjoni.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li, “Dan l-investiment se jgħin lill-MCAST ikun minn ta’ quddiem fir-riċerka applikata internazzjonali. Fl-Expo tar-Riċerka u l-Innovazzjoni li sar ix-xahar li għadda rajna r-riċerka varjata vokazzjonali u applikata fil-kulleġġ b’aktar minn 90 riċerkatur u professjonist jaħdmu f’oqsma differenti”.

Kompla jgħid li, “Il-ħolqien ta’ ċentru internazzjonali se jgħin lir-riċerkaturi jiżviluppaw soluzzjonijiet għall-problemi urġenti tas-soċjetà u opportunitajiet għall-industrija. L-MCAST se jkompli jiżgura kollaborazzjoni internazzjonali ma’ universitajiet, imsieħba fl-industrija u laboratorji ta’ riċerka. Aħna bħala gvern ninsabu kommessi li nkomplu naħdmu biex nibnu ekosistema robusta ta’ innovazzjoni permezz tar-riċerka”.

Il-Ministru Justyne Caruana qalet li, “Hekk kif tkompli tikber il-popolazzjoni ta’ studenti fl-MCAST u l-ħtieġa għat-taħriġ, it-titjib tar-riżorsi u l-aċċessibilità huma prijorità għolja u l-impetu għal investiment kontinwu. Għandna bżonn noħolqu spazji ta’ tagħlim dinamiċi fejn il-letturi u l-istudenti jistgħu jkunu ispirati biex jikkollaboraw u joħolqu xogħol innovattiv. L-għan huwa li l-industrija u l-pubbliku jużaw is-servizzi offruti mill-kulleġġ. B’hekk, billi niftħu l-bibien tal-kulleġġ se noħolqu opportunitajiet ta’ tagħlim għal kulħadd fil-komunità.”

Il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja, qal li, “Il-Kulleġġ qed jipparteċipa fi 19-il proġett internazzjonali b’investiment ta’ aktar minn €2.5 miljun. Bl-infrastruttura l-ġdida nistgħu nkomplu nikbru internazzjonalment u nistabbilixxu l-MCAST bħala ċentru ta’ eċċellenza fl-edukazzjoni vokazzjonali u taħriġ. Iċ-ċentru tar-riċerka u l-innovazzjoni huwa uniku fis-sens li l-kulleġġ jinsab f’pożizzjoni tajba biex jinkoraġġixxi kollaborazzjoni mal-industrija b’ħidma interdixxiplinari. Is-suċċess tal-kulleġġ jiġi meta nagħtu aċċess għal oqsma differenti ta’ għarfien. Se nkomplu bil-kollaborazzjoni lil hinn mill-kampus filwaqt li nipprovdu lill-istudenti b’opportunitajiet biex jaħdmu ma’ min iħaddem”.

Il-bini taċ-Ċentru tar-Riżorsi tlesta u bħalissa għaddej ix-xogħol fuq l-installazzjonijiet mekkaniċi u elettriċi. Il-bini kien iddisinjat biex jimmassimizza l-effiċjenza fil-konsum tal-enerġija. Iċ-ċentru se jinkludi awditorju ta’ aktar minn 600 metru kwadru u spazju flessibbli għat-tagħlim ta’ madwar 500 metru kwadru. Id-disinn tal-bini jinkludi spazji li huma tajbin kemm għat-tagħlim individwali kif ukoll fi grupp. Hemm 

Sport