Wednesday, April 24, 2024

Investiment ta’ €350,000 biex persuni b’diżabilità jgħixu ħajja indipendenti

Aqra wkoll

Il-Gvern iffirma ftehim mad-Dar tal-Providenza li permezz tiegħu tliet persuni b’diżabilità se jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu ħajja aktar indipendenti f’dar fil-Qawra.

Il-ftehim ta’ €350,000 bejn il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur permezz ta’ Aġenzija Sapport u l-amministrazzjoni tad-Dar tal-Providenza se jara lil dawn il-persuni jgħixu ħajja aktar indipendenti fir-residenza ‘Akkwarell’ li d-Dar tal-Providenza għandha fil-Qawra.

Il-ftehim huwa għal tliet snin u d-Dar tal-Providenza se tkun responsabbli għat-tmexxija u l-amministrazzjoni ta’ dan il-proġett. L-iffirmar tal-ftehim kien presedut mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, li ddeskrivietu bħala prova oħra tad-determinazzjoni tal-Gvern li jkompli jwettaq fil-prattika l-prinċipju tal-inklużjoni.

“Li tagħmilha possibbli lil persuna b’diżabilità li tgħix ħajja indipendenti jew semi-indipendenti, anke jekk bl-għajnuna ta’ terzi, huwa kontribut mill-aqwa li jgħin lill-persuna konċernata tibni fiduċja fiha nnifisha li twassalha tirrealizza li minkejja kollox, mad-diżabilità hemm ukoll l-abilità. Huwa lejn din tal-aħħar li għandna nħarsu u f’din id-direzzjoni għandna naħdmu biex inwasslu lill-persuna konċernata temmen aktar fiha nnifisha,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Ritratt: Jason Borg

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna, irringrazzja lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza u t-tim tiegħu mhux biss għall-kollaborazzjoni sabiex jitwassal servizz ta’ kwalità, iżda wkoll għall-impenn tagħhom lejn it-tisħiħ tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità matul is-snin. Din il-kollaborazzjoni tkompli turi l-impenn tal-aġenzija li taħdem id f’id mal-għaqdiet volontarji u entitajiet oħra li joffru servizzi diversi sabiex isir l-aħjar użu tar-riżorsi għall-benefiċċju ta’ persuni b’diżabilità.

Min-naħa tiegħu, Fr Martin Micallef qal li l-ftehim li ġie ffirmat għandu sinifikat importanti ħafna għaliex juri l-impenn u l-appoġġ tal-Gvern biex id-Dar tal-Providenza tkompli toffri servizzi residenzjali, fil-qalba tal-komunità, għall-persuni b’diżabilità, b’mod sostenibbli. Sostna li huwa sinifikanti wkoll li dan il-ftehim qed isir propju fl-għeluq tal-għaxar snin mill-ftuħ tar-residenza ‘Akkwarell’, fejn bħalissa jgħixu żewġ persuni b’diżabilità fiżika. Fr Micallef sostna li d-Dar tal-Providenza se tibqa’ impenjata li toffri servizzi residenzjali li joffru ambjent li jirrispetta d-drittijiet u d-dinjità ta dawk li jużaw is-servizzi tagħha.

L-iffirmar tal-ftehim sar mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Nancy Caruana, mill-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna u mid-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr Martin Micallef.

Sport