Saturday, May 4, 2024

Tom Cruise ser jiċċelebra għeluq sninu bil-kbir

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Għat-tieni ġimgħa konsekuttiva, “Top Gun: Maverick” kompla jiddomina fil-box office globali. L-akbar sfida għal dan il-film tiġi fi tmiem il-ġimgħa li ġejja meta jiddebutta “Jurassic World Dominion”.  

Fl-Istati Uniti, il-film ta’ Tom Cruise kellu dħul ta’ $86 miljun biex wara ġimagħtejn issa laħaq iċ-ċifra ta’ $291 miljun. Għal Tom Cruise, dan hu suċċess personali wkoll billi sa issa fil-karriera tiegħu kien “War of the Worlds” li kellu l-akbar suċċess, bi dħul ta’ $243 miljun mit-teatri Amerikani. B’hekk, meta fit-3 ta’ Lulju jiċċelebra għeluq is-60 sena tiegħu, jista’ jiċċelebrah aqwa mis-soltu.

Anke fil-pajjiżi l-oħra, il-film sejjer tajjeb bi dħul ta’ $257 miljun, biex issa laħaq iċ-ċifra globali ta’ $548 miljun. 

Din il-ġimgħa ma kinitx waħda tajba għall-films tal-biża’.  Kemm “Crimes of the Future” kif ukoll “Watcher” ma rnexxilhomx jitilgħu mal-ewwel ħames films fil-box office Amerikana. Għalhekk, l-aqwa ħamsa jibqgħu l-istess bħall-ġimgħa l-oħra, jiġifieri: “Doctor Strange in the Multiverse of Madness”, “The Bob’s Burgers Movie”, “The Bad Guys” u fil-ħames post “Downton Abbey: A New Era”.

The Bob’s Burgers Movie

“The Bob’s Burgers Movie” stabilixxa riċetta fis-sensiela televiżiva li ilha għaddejja għal 12-il sena u l-film iżomm magħha.

Maħluqa minn Lorem Bouchard, fiċ-ċentru tan-narrattiva hemm il-familja Belcher — magħmula mill-ġenituri Bob (vuċi ta’ H. Jon Benjamin) u Linda (John Roberts), u t-tliet uliedhom: Tina (Dan Mintz), Gene (Eugene Mirman) u Louise (Kristen Schaal). Għandhom ristorant minn fejn ibigħu l-hamburgers u spiss imorru fuq xi avventura.

Il-familja Belcher fil-film “The Bob’s Burgers Movie”

L-avventura f’dan il-film mhix waħda li tistenna. Il-bank ikun qed jheddidhom biex jagħmlu l-pagament u jagħtihom ġimgħa żmien biex jagħmlu l-pagament tax-xahar, inkella jeħdilhom l-apparat tar-ristorant. Il-kbira, Tina, ma tafx kif ser taqbad tgħid lil Jimmy biex joħorġu flimkien matul is-sajf. Iż-żgħira, Louise, tiġi umiljata fl-iskola. 

Sewwa jgħidu li l-ħmar il-magħkus idur għalih aktar id-dubbien: pajp tal-ilma taħt l-art jinfaqa’ u joħloq gandott fond quddiem ir-ristorant tagħhom. Biex turi kemm hi qalbiena, Louise tinżel fil-gandott u hemm isfel tiskopri skeletru. Il-pulizija tikkonkludi li dak kien ta’ wieħed li sparixxa sitt snin qabel. L-iskeletru jidher li kellu ġerħa f’sidru kkawżata minn tir sparat.

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Loren Bouchard u Bernard Derriman, l-animazzjoni hi 2D, bi skript li għandu ċajtiet ħelwin u li ma joffendu lil ħadd. Għandu anke xi lezzjonijiet dwar il-ħajja li jagħmlu l-film b’mod ġenerali wieħed pożittiv. 

Gwida għal min ser jara “The Bob’s Burgers Movie”: PG (hu rakkomandat li t-tfal taħt it-tmien snin ikunu akkumpanjati minn adult) għax fih xi referenzi ħfief għas-sess u ftit kliem mhux xierqa.

Watcher

Dan hu thriller tal-orrur maħdum taħt id-direzzjoni tad-debuttanta Chloe Okuno.  Il-film iddebutta waqt is-Sundance Film Festival aktar kmieni din is-sena u ġie mfaħħar mill-kritiċi.

“Watcher” ifakkrek b’mod estensiv fit-thriller “Sliver” li fih kienet dehret Sharon Stone u kien ħareġ fit-teatri lokali f’Novembru 1993.  Imma “Watcher” hu ferm aħjar. Parti kbira mis-suċċess hu dovut għall-attriċi Maika Monroe fil-parti ta’ Julie.

L-attriċi Maika Monroe fil-parti ta’ Julie fil-film “Watcher”

Din il-mara tkun kuntenta fiż-żwieġ tagħha mar-Rumen Francis (Karl Glusman). Hi tmur ir-Rumanija sabiex żewġha jkun jista’ javvanza fl-impjieg tiegħu. Huma jieħdu appartament li jkollu twieqi kbar. Minnufih, Julie tibda tinnota figura ta’ persuna qed tiċċassa lejha minn appartament faċċata. Aħbar li serial-killer qed jiġġerra fit-toroq iżżidilha s-suspetti tagħha u t-tensjoni.

Huwa veru li s-suġġett hu riċiklat, imma l-mużika ta’ Nathan Halpern u l-fotografija ta’ Benjamin Kirk Nielsen jgħinu l-film jiżviluppa b’ċertu ritmu u joħolqu numru ta’ qtajja li jiġu naturali. 

Mil-bidu nett, id-direttur tqajjem din il-mistoqsija: Min qed jiċċassa fuq min? Julie ssostni li dan ir-raġel qed jispija fuqha. Imma meta f’ħin minhom żewġha Francis jirrimarkalha, dan ir-raġel qed jiċċassa lejn martu għax martu qegħda tħares ċass lejh!

Gwida għal min ser jara “Watcher”: 15 (hu rakkomandat li jarawh dawk li huma ’l fuq minn 15-il sena) minħabba l-lingwaġġ li jintuża, ftit xeni ta’ sess, nudità u vjolenza mdemmija.

Sport