Thursday, May 7, 2026

Investiment ta’ €5 miljun minn Fondi Ewropej għall-mużew il-ġdid tal-Konkatidral ta’ San Ġwann

Aqra wkoll

Proġett ta’ estensjoni u tisbiħ tal-mużew il-ġdid tal-Konkatidral ta’ San Ġwann qed jitwettaq bil-għan li jissaħħaħ il-valur kulturali u l-esperjenza tal-viżitaturi f’dan is-sit ta’ importanza internazzjonali.

Permezz ta’ investiment ta’ €5 miljun mill-Fondi Ewropej, dan il-proġett se joħloq esperjenza moderna, aċċessibbli u sostenibbli għall-viżitaturi, filwaqt li jiżgura l-konservazzjoni fit-tul ta’ teżori artistiċi u storiċi ta’ valur kbir.

Il-proġett jinkludi l-bini ta’ mużew ġdid flimkien mar-restawr u l-adattament tal-istrutturi eżistenti. Dan se jippermetti li kollezzjonijiet importanti, inkluż tapizzeriji b’valur artistiku u storiku, ilbies sagru, kotba korali u xogħlijiet ta’ Mattia Preti, jiġu esebiti f’ambjent li jilħaq l-ogħla standards internazzjonali. Il-mużew se jinkludi wkoll spazji ġodda, fosthom is-sala tat-tapizzeriji, kif ukoll faċilitajiet moderni u teknoloġiji diġitali u edukattivi biex itejbu l-esperjenza tal-viżitaturi.

Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal “Dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ kif il-Fondi Ewropej qed jintużaw b’mod konkret biex nipproteġu u nsaħħu l-wirt kulturali tagħna. L-investiment ta’ €5 miljun minn fondi Ewropej mhux biss qed jikkontribwixxi għall-konservazzjoni ta’ teżori ta’ valur kbir, iżda wkoll qed joħloq esperjenza moderna u aċċessibbli għal kulħadd. Dan huwa investiment fil-kultura, fl-edukazzjoni u fil-kwalità tal-ħajja tan-nies, kif ukoll fil-potenzjal turistiku sostenibbli ta’ pajjiżna.”

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni tal-Katidral, Tonio Mallia, stqarr “Dan il-proġett jirrappreżenta pass importanti fil-mod kif nippreżentaw u nipproteġu l-wirt uniku tal-Katidral. Permezz ta’ dan l-investiment, se nkunu qed noħolqu spazji ġodda u moderni li mhux biss jippreservaw il-kollezzjonijiet tagħna skont standards internazzjonali, iżda wkoll joffru esperjenza aktar sinifikanti u edukattiva lill-viżitaturi kollha. Huwa proġett li jħares lejn il-futur filwaqt li jirrispetta l-passat.”

Il-proġett jinkludi wkoll titjib sostanzjali fl-aċċessibbiltà, b’introduzzjoni ta’ teknoloġiji assistivi u faċilitajiet moderni biex jiġi żgurat li kulħadd, inklużi persuni b’diżabilità, ikun jista’ jgawdi dan il-wirt nazzjonali.

Dan l-investiment juri l-impenn kontinwu biex il-Fondi Ewropej jintużaw b’mod effettiv sabiex jissaħħaħ il-qasam kulturali, jiġi promoss it-turiżmu u jitkompla l-iżvilupp sostenibbli ta’ Malta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport