Thursday, May 7, 2026

Żieda ta’ €49 miljun fil-benefiċċji soċjali fl-ewwel 3 xhur tas-sena – investiment soċjali ta’ kważi nofs biljun ewro

Aqra wkoll

L-investiment fuq pensjonijiet u benefiċċji soċjali fl-ewwel kwart tas-sena żdied b’aktar minn €49 miljun fuq l-istess perjodu s-sena l-oħra. 

L-istatistika ppubblikata llum mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li l-investiment b’kollox laħaq aktar minn €491 miljun. Dan kien l-akbar investiment li qatt ġie reġistrat għal dan il-perjodu tas-sena.

Il-pensjonanti tal-irtirar u r-romol kienu l-akbar benefiċjarji. Id-dħul tagħhom żdied b’€31 miljun fuq l-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. Dan kien dovut għaż-żieda ta’ €10 fil-ġimgħa, kif ukoll għat-twettiq ta’ diversi miżuri tal-Budget li wasslu biex eluf ta’ pensjonanti kellhom żidiet oħra fid-dħul u oħrajn saru eliġibbli għall-pensjoni taż-żewġ terzi.

B’seħħ minn Jannar issokta l-proċess ta’ reviżjoni tal-pensjonijiet ta’ dawk il-persuni mwielda qabel l-1962 u l-aġġustament fil-pensjonijiet tar-romol li ser iwassal biex mis-sena d-dieħla jibdew jirċievu l-istess pensjoni li l-konjugi tagħhom kienu jkunu intitolati għaliha kieku baqgħu ħajjin.

Twettqet ħidma wkoll biex titjieb il-pensjoni ta’ persuni miżżewġa li kienu jirċievu pensjoni b’rati mnaqqsa għaliex il-konjugi tagħhom qed jirċievu pensjoni. Flok pensjoni minima b’rata ta’ singoli issa qed jirċievu bir-rata ogħla ta’ miżżewġin. 

Titjib ieħor kien jolqot pensjonanti tas-servizz b’riżultat tal-proċess li bih l-ammont tal-pensjoni li ma jiġix ikkunsidrat għall-fini tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali żdied  b’€200 oħra għal €3,866. Filwaqt li għal dawk li laħqu l-età ta’ 72 sena l-ammont kollu kkalkulat mill-pensjoni jiġi injorat.

Żieda fil-benefiċċji mhux kontributorji

Filwaqt li d-dipendenza soċjali u l-għadd ta’ persuni fuq l-assistenzi soċjali komplew jonqsu grazzi għall-inċentivi li ddaħħlu fl-aħħar snin, l-investiment fuq benefiċċji mhux kontributorji xorta żdied b’€14.3 miljun biex laħaq ftit anqas minn €101 miljun fl-ewwel kwart ta’ din is-sena.

Din iż-żieda kienet dovuta għat-titjib li sar fiċ-Children’s Allowance, fl-Għotja għall-Anzjani, fl-Allowance Supplimentari u fil-mekkaniżmu tal-COLA addizzjonali. Ingħatat ukoll l-għotja speċjali ta’ €500 għall-familji li għandhom tfal fl-10 u l-11-il sena skolastika.

F’kumment li ta, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal, “Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li proprju fil-jum li fih qed infakkru 70 sena ta’ sigurtà soċjali, ikollna xhieda oħra tal-investiment massiċċ u l-impenn soċjali qawwi bla preċedent tal-Gvern.”

Dr Falzon tenna li bil-ħidma sfiqa u koordinata li saret mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ma’ entitajiet oħrajn, eluf ta’ pensjonanti u familji bdew mill-ewwel ġimgħat u xhur tas-sena jgawdu mit-titjib imwiegħed fil-Budget.

“Sforz din il-ħidma, kważi l-miżuri soċjali kollha tal-Budget diġà daħlu fis-seħħ u l-poplu qed igawdi l-frott tagħhom,” temm jgħid il-Ministru Falzon.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport