Saturday, December 21, 2024

Investiment ta’ €500,000 għal programm ta’ taħriġ fil-gaming akkreditat minn waħda mill-akbar kumpanija tal-gaming

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri ħabbar kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni GamingMalta u Unity Technologies li permezz tagħha se jitwaqqaf programm ta’ ċentru ta’ eċċellenza bil-għan li jkun sostnut tkabbir fil-qasam ta’ video gaming, digital media u setturi teknoloġiċi immersivi.

Din il-kollaborazzjoni se twassal biex jiskatta programm ħolistiku ta’ ċertifikazzjoni u taħriġ ta’ Unity kemm fost edukaturi u studenti. L-għan hu li jinħoloq network ta’ edukaturi ċċertifikati minn Unity mal-MCAST u mal-Università ta’ Malta u ċ-ċertifikazzjoni ta’ Unity għal madwar 400 student. Unity huma l-pjattaforma ewlenija għall-ħolqien u għat-tħaddim ta’ kontenut 3D interattiv f’ħin reali.

Il-Ministru Schembri qal li kieku ma kienx għal dan l-investiment ta’ €500,000, l-istudenti parteċipi f’dan il-programm kien ikollhom joħorġu eluf ta’ ewro minn buthom biex igawdu minn akkreditazzjoni ta’ dan it-tip. Il-ministru żied jgħid li dan il-programm ħa jiftaħ il-bibien beraħ għall-istudenti parteċipi.

“Din is-sħubija ma’ Unity hija parti mill-istrateġija tal-gvern li ssegwi t-tnedija tal-inkubatur Basecamp sabiex ikun assigurat li b’mod tanġibbli s-sostenn u t-tkabbir tal-iżvilupp tal-videogames u s-setturi tat-teknoloġija immersivi li joffru karrieri ta’ kwalità għolja. Irridu nibqgħu minn ta’ quddiem nett fid-dawl li teknoloġija immersiva bħal AR u VR qed tiżviluppa u tiddiversifika b’mod mgħaġġel tant li qed tkompli tittrasforma s-setturi kollha tal-ekonomija, inklużi l-logħob, id-divertiment, is-saħħa, l-edukazzjoni, il-bejgħ, il-manifattura u iktar. Il-ħidma ma’ waħda mill-akbar u mill-aktar muturi innovattivi għall-iżvillupp tal-logħob fl-industrija tal-gaming se tiżgura li qed inwittu b’mod tajjeb opportunitajiet sabiex insostnu t-talent tagħna kemm f’pajjiżna stess kif ukoll nassiguraw li l-ekosistema ta’ pajjiżna tkun mobilizzata biżżejjed li toffri t-talent meħtieġ imfittex mill-industriji”, qal il-Ministru Schembri.

L-għan ta’ Unity hu li joffri taħlita kemm ta’ tagħlim fi klassi u tagħlim ta’ kontenut prattiku li jippermettilhom biex jaħdmu flimkien, jitgħallmu, ikunu innovattivi, joħolqu u jippreżentaw l-ideat tagħhom sabiex ikunu indirizzati l-isfidi. Iċ-ċertifikazzjoni ta’ Unity se tgħin lill-istudenti jispikkaw iżjed fit-talent tagħhom filwaqt li juru lil min iħaddimhom li għandhom il-ħiliet tekniċi u l-għarfien neċessarju fl-istess waqt li jispeċjalizzaw f’suġġetti varji kemm programming, design u arti. Dan eventwalment se jwassal biex Malta tkun ċentru ta’ talent għal dawn it-tipi ta’ setturi li jsostnu t-talent bil-ħiliet meħtieġa sabiex ikun aċċellerat it-tkabbir f’dawn is-setturi.

“Unity tħares ’il quddiem għal din is-sħubija ma’ GamingMalta, partikolarment għax huma ambizzjużi kif ukoll uriet biċ-ċar li Malta hija dar ta’ eċċellenza f’dan is-settur tant li huwa evidenti li hija fost il-ġurisdizzjonijiet fil-qasam tal-gaming, l-iżjed avvanzata u rispettata fid-dinja b’esperjenza b’saħħitha fl-industrija. Huwa ta’ sodisfazzjon li nagħmlu parti minn dan il-proġett li se joħloq bidla pożittiva u li se jgħin lil developers ta’ talent f’Malta jibnu l-proġetti tagħhom li mbagħad jistgħu jitpoġġew fuq pjattaforma globali”, qal Luke Evans minn Unity.

“Setturi li qed jikbru, bħall-iżvilupp tal-logħob tal-kompjuter u t-teknoloġiji immersivi, jeħtieġu doża qawwija ta’ żvilupp ta’ talent u din is-sħubija ma’ Unity se twaqqaf l-istadju biex tiżdied il-ġabra ta’ talent tagħna. Diġà qed nattiraw kumpaniji f’dawn is-setturi u rridu nkomplu nintensifikaw l-isforzi tagħna biex noħolqu opportunitajiet ta’ xogħol sostenibbli fis-settur lokali filwaqt li niżviluppaw professjonisti bil-ħiliet biex iħaddnu dawn l-opportunitajiet”, qal il-Kap tal-Operat tal-Fondazzjoni Gaming Malta, Ivan Filletti.

Ekonomija

Sport