Saturday, November 23, 2024

Investiment ta’ miljun ewro għal titjib f’faċilitajiet sportivi f’diversi skejjel

Aqra wkoll

Fl-isfond tal-politika nazzjonali biex tkun indirizzata l-obeżità fost it-tfal, kif ukoll biex inrawwmu kultura sportiva fit-tfal tagħna, tħabbar proġett ta’ infrastruttura edukattiva li jinvolvi t-tibdil ta’ diversi faċilitajiet sportivi. L-għan tal-proġett huwa li tittejjeb l-infrastruttura sportiva fl-iskejjel tal-istat, kemm għal skopijiet ta’ rikreazzjoni, kif ukoll biex jittejjeb il-livell tal-edukazzjoni sportiva.

Dettalji dwar dan l-investiment ta’ miljun ewro ngħataw mill-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana fl-iskola Maria Reġina fil-Mosta, magħrufa bħala taż-Żokrija.

Il-Ministru Caruana qalet li dan l-investiment jikkumplimenta l-investiment diġa mħabbar ta’ €150 miljun fl-iskejjel, u huwa proġett li jimmira għal ħajja iktar kwalitattiva fl-iskejjel. “Dawn huma proġetti li jiffukaw fuq l-ispazji miftuħa u l-faċilitajiet sportivi li rridu fl-iskejjel tagħna,” qalet il-Ministru Caruana.

Il-proġett jinvolvi t-tibdil tal-uċuħ tal-faċilitajiet sportivi fuq barra f’madwar 20 skola. F’dawn l-iskejjel, il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada qed tiksi l-faċilitajiet sportivi b’turf artifiċjali. Fl-aħħar snin, il-fondazzjoni nvestiet f’turf artifiċjali f’diversi skejjel oħrajn.

Fl-iskola sekondarja li tifforma parti mill-Kulleġġ Maria Regina fil-Mosta (magħrufa bħala taż-Żokrija), il-proġett kien jinvolvi wkoll il-bini tas-saqaf tal-parkeġġ li hemm taħt il-grawnd tal-iskola. Dan kien jeħtieġ li jinbena mill-ġdid, tant li ma kienx qed jiġi użat, u għalhekk issa dan l-ispazju miftuħ jista’ jerġa jibda jitgawda mill-istudenti u għal attivitajiet oħrajn fuq barra. Il-wiċċ se jkun miksi wkoll b’turf artifiċjali.

“Dawn il-proġetti mhux biss se jipprovdu spazji aħjar għall-istudenti tagħna, imma wkoll irridu nkomplu nippromwovu l-politika tagħna kontra l-obeżità. Għalhekk, qed naraw li l-ispazji miftuħa jkunu adegwati biex l-istudenti jkollhom ħajja aħjar u aktar sana permezz tal-edukazzjoni fiżika,” qalet il-Ministru Caruana.

Preżenti għat-tħabbira tal-proġett kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-FTS Dr Neville Young, il-Prinċipal tal-Kulleġġ Maria Reġina Patrick Decelis, u l-Kap tal-Iskola Michael Vassallo.

Sport