Thursday, March 28, 2024

Minn għada se jibdew jintużaw karozzi tal-linja li jaħdmu bl-elettriku f’Għawdex

Il-Prim Ministru: “Is-sehem tagħna biex inħallu dinja aħjar għal uliedna se nagħmluh b’konvinzjoni.”

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Minn għada f’Għawdex se jibdew jintużaw dawk il-karozzi tal-linja li jaħdmu bl-elettriku. Dan tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela waqt stqarrija ministerjali li għamel fil-Parlament fejn fiha tkellem dwar il-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti COP26 u fl-istess waqt ta elenku ta’ x’qed jagħmel il-gvern b’miżuri favur l-ambjent. 

Dwar l-isfida tat-tibdil fil-klima, Abela qal li biex tkun miġġielda din l-isfida, f’pajjiżna jrid ikollna mhux biss ir-rieda iżda wkoll l-iffinanzjar u t-teknoloġija neċessarja.

Semma kif il-kontribuzzjoni ta’ Malta għall-Fond Ambjentali tal-Ġnus Magħquda se jitla’ għal €200,000.

Huwa aċċenna għall-fatt li fil-budget għas-sena d-dieħla tħabbru diversi inċentivi biex jgħinu lil pajjiżna jagħmel il-qalba ambjentali mingħajr ebda piż fuq in-nies, għall-kuntrarju ta’ dak li fi kliemu għamel il-gvern nazzjonalista.

Qal li kif dejjem dan il-gvern kien hemm mal-industrija, fejn anke matul il-perjodu tal-pandemija qatt ma telqu lin-negozji weħidhom, hekk se jkunu qed jagħmlu f’din l-isfida globali biex pajjiżna jkun mudell ta’ kif għandha ssir din il-qalba.

Il-Prim Ministru fakkar li ftit tal-jiem ilu huwa pparteċipa fil-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti fi Glasglow li din is-sena kien jisimha COP 26, fejn għal din il-laqgħa huwa kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia u l-Ambaxxatriċi għat-tibdil fil-klima Simone Borg. Fi kliemu din kienet laqgħa mistennija ħafna bil-għan li jiġġedded u jissaħħaħ l-impenn dwar il-ġlieda fit-tibdil tal-klima u saret bil-parteċipazzjoni ta’ aktar minn 100 pajjiż.

Abela qal li dak li ġie maqbul ġewwa Glasgow u dak li għadu qed jiġi diskuss, juri li jrid ikun hemm l-isforz globali biex naslu għall-miri li rridu naslu. Qal li l-miri mhumiex għażla iżda neċessità. Tkellem dwar il-fatt li jekk id-dinja kollha ma tasalx għall-miri tagħha, bil-konsegwenza li tiżdied it-temperatura, il-konsegwenzi se jkunu katastrofiċi. 

Fuq dan is-suġġett, il-Prim Ministru qal li bħala gvern jinsabu determinati li jagħmlu l-parti tagħhom u hekk se jibqgħu jagħmlu. Fi kliemu, biex iħallu l-pajjiż aħjar għal uliedna, se jagħmluh b’konvinzjoni u b’determinazzjoni.

Huwa qal li pajjiżna huwa żgħir iżda huwa wieħed ambizzjuż u bil-prijoritajiet f’posthom. Żied jgħid li kuntarjament għal dawk li għamlu pajjiżi ġiren tagħna, dan il-gvern ma xeħitx piż fuq il-poplu Malti u Għawdxi. Dan il-gvern ma għamilx bħall-pajjiżi l-oħra li żiedu l-prezzijiet tal-enerġija. F’dan ir-rigward, Abela qal li l-poplu jaf li b’dan il-gvern għandu moħħu mistrieħ.

Abela qal li meta kelna l-prezzijiet għoljin tal-enerġija konna qed nużaw sors li jħammeg li huwa l-heavy fuel oil. Semma kif dan il-gvern għamel il-qalba b’investiment b’saħħtu fejn il-prestazzjoni ta’ Malta tjiebet.

Tkellem dwar il-fatt li dan wassalna għal sitwazzjoni fejn l-akbar sors ta’ tniġġiż huwa t-trasport. F’dan ir-rigward Abela semma fost l-oħrajn kif il-gvern investa f’mezzi ġodda ta’ trasport filwaqt li beda l-proċess biex jitwettaq l-impjant li jibdel l-iskart f’enerġija b’investiment ta’ €500 miljun.

Dan apparti mill-fatt li l-gvern saħħaħ l-inċentivi għax-xiri tal-karozzi, inċentivi b’saħħithom għal min irid jinvesti f’solar water heaters, trasport tal-pubbliku b’xejn għal kulħadd li mistenni jibda mis-sena d-dieħla, proġetti kbar fil-Port il-kbir u eventwalment fil-Port Ħieles. Aċċenna wkoll għal dak li li l-President tal-Kummissjoni Ewropea ddeskriviet bħala wieħed mill-aktar pjanijiet ħodor li ġew sottomessi lill-Kummissjoni li bih dan il-gvern se jkompli jinvesti f’dawn l-oqsma.

Ekonomija

Sport