Investimenti fl-ambjent u fis-servizzi tas-saħħa mentali

Aqra wkoll

Il-Gvern qed ikompli jinvesti f’ambjenti terapewtiċi aħjar u f’servizzi aktar speċjalizzati għal persuni li jesperjenzaw diffikultajiet ta’ saħħa mentali.

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għas-Saħħa Mentali, il-Ministru Miriam Dalli u l-Ministru Keith Azzopardi Tanti żaru Villa Chelsea f’Birkirkara, fejn iltaqgħu mar-rappreżentanti tal-Fondazzjoni Richmond u raw mill-qrib il-ħidma li qed issir biex jingħata appoġġ lil persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali.

Matul iż-żjara, iż-żewġ Ministri enfasizzaw l-importanza li l-investimenti tal-Gvern, kemm dawk ambjentali kif ukoll dawk sostnuti mill-fondi Ewropej, ikomplu jissarrfu f’benefiċċji diretti għall-persuni li jeħtieġu appoġġ, għall-familji tagħhom u għall-professjonisti li jaħdmu f’dan il-qasam.

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li permezz ta’ Project Green qed isir investiment ta’ €620,000 biex il-ġnien storiku ta’ Villa Chelsea jingħata ħajja ġdida u jsir spazju aktar aċċessibbli u adattat għall-ħtiġijiet tar-residenti. Il-proġett se jtejjeb l-ambjent terapewtiku u joħloq aktar opportunitajiet għal attivitajiet fil-beraħ bħala parti mill-programmi ta’ riabilitazzjoni tal-Fondazzjoni Richmond.

“Il-proġetti ambjentali tagħna ma humiex biss dwar spazji ġodda iżda fuq kollox dwar in-nies li se jagħmlu użu minnhom. Hawnhekk qed ninvestu biex ġnien storiku jingħata l-ħajja biex noħolqu spazju li se jkun ta’ benefiċċju dirett għas-saħħa u l-benesseri tar-residenti. Irridu li l-investimenti tagħna fl-ambjent ikomplu jagħmlu differenza tanġibbli fil-ħajja tan-nies, speċjalment dawk li jeħtieġu aktar appoġġ,” qalet il-Ministru Dalli.

B’kollaborazzjoni mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, ix-xogħlijiet fil-ġnien jinkludu r-restawr ta’ funtana, il-passaġġi u l-ġibjuni eżistenti. Se jitħawlu wkoll 23 siġra u 95 arbuxell ġdid, li se jikkumplimentaw is-siġar maturi li diġà jinsabu fis-sit.

Il-proġett se jħares ukoll il-wirt storiku ta’ Villa Chelsea, li tinsab biswit il-Ġnien tal-Istazzjon f’Birkirkara. Fi żmien meta kienet għadha topera l-ferrovija Maltija, il-villa kienet tintuża bħala r-residenza tat-train master.  Il-ġnien se jkun aċċessibbli għall-pubbliku f’jiem u ħinijiet speċifiċi.

Il-Ministru Keith Azzopardi Tanti faħħar il-ħidma siewja li Richmond Foundation ilha twettaq matul is-snin biex tappoġġja persuni li jesperjenzaw diffikultajiet ta’ saħħa mentali, kif ukoll lill-familji tagħhom. Huwa saħaq fuq l-importanza li organizzazzjonijiet bħal Richmond Foundation ikomplu jingħataw l-għodod u r-riżorsi meħtieġa biex isaħħu s-servizzi tagħhom u jilħqu aktar persuni li jkunu jeħtieġu l-appoġġ.

“Il-fondi Ewropej qed jgħinuna nkomplu ninvestu f’inizjattivi u proġetti li jsaħħu l-ħidma ta’ organizzazzjonijiet bħal Richmond Foundation, kemm permezz ta’ aktar għarfien u taħriġ kif ukoll permezz ta’ servizzi dejjem aktar speċjalizzati u ċċentrati fuq il-bżonnijiet tal-persuna. Dan huwa kif irridu naraw il-fondi Ewropej jissarrfu fil-prattika: f’appoġġ konkret li jagħmel differenza fil-ħajja tan-nies,” għalaq il-Ministru Azzopardi Tanti.

Villa Chelsea hija ċentru ta’ riabilitazzjoni mmexxi mill-Fondazzjoni Richmond, fejn bħalissa madwar 20 resident qed jibbenefikaw minn appoġġ professjonali f’ambjent terapewtiku. Permezz ta’ programmi u inizjattivi differenti, ir-residenti jingħataw għajnuna biex jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa fil-ħajja ta’ kuljum, isaħħu l-kunfidenza fihom infushom u jimxu lejn ħajja aktar indipendenti fil-komunità.

Matul iż-żjara, iż-żewġ Ministri ddiskutew ukoll il-ħidma tal-Fondazzjoni Richmond u l-importanza ta’ kollaborazzjoni kontinwa bejn il-Gvern u l-organizzazzjonijiet li jaħdmu direttament ma’ persuni li jeħtieġu appoġġ fil-qasam tas-saħħa mentali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport