Sunday, November 24, 2024

Inwettqu Flimkien: Inawgurat pitch tal-bocce f’Ħad-Dingli

Aqra wkoll


Wara s-suċċess tal-atleti Maltin u l-logħob b’mod ġenerali tal-iSpecial Olympics li saru f’Malta fl-2022, il-kumitat tal-ispecial Olympics Malta xtaq iħalli wirt dejjiemi għall-atleti u dawk li jridu jidħlu fid-dinja sportiva, permezz ta’ pitch tal-bocce f’Ħad-Dingli bħala l-ewwel lokalità li għandu pitch ta’ din ix-xorta għall-użu tal-komunità.


Dan il-pitch ġie inawgurat mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli u l-President ta’ Special Olympics Malta Dr Lydia Abela.

Fi sforz biex l-atleti jingħataw struttura permanenti għat-taħriġ u l-prattika li jista’ jitgawda wkoll mill-komunità, ġie miftiehem mill-kumitat tal-Ispecial Olympics Malta li jinbena dan il-pitch tal-bocce tal-għola livell fi Ġnien il-Ħaddiem f’Ħad-Dingli.

Dan il-pitch huwa xhieda tal-impenn ta’ Malta għall-inklussività u l-eċċellenza atletika. Mibni skont standards internazzjonali, dan il-pitch se jkun kruċjali biex atleti lokali li diġà jikkompetu, flimkien ma’ oħrajn li jixtiequ jibdew jipprattikaw dan l-isport ikollhom il-faċilitajiet adegwati biex jagħmlu dan.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli faħħret din l-inizjattiva u fissret kif dan il-pitch se jibgħat messaġġ b’saħħtu favur aktar inklużjoni fl-isport. “Permezz ta’ dan il-pitch, se nkunu qed noffru ċ-ċans biex aktar nies b’diżabilità u oħrajn fir-raħal jingħaqdu mal-komunità sportiva u jipprattikaw ukoll. Irrispettivament mill-ħiliet sportivi, permezz ta’ dan il-pitch wieħed ser ikollu l-abbiltà li jipprattika f’ambjent sigur u f’konformità ma’ standards tal-ogħla livell. Dan huwa proġett li minnu se jibbenefika kulħadd. Kemm l-atleti kif ukoll il-komunità inġenerali,” temmet tgħid il-Ministru.


F’indirizz li għamlet, il-President ta’ Special Olympics Malta Dr. Lydia Abela sostniet li din mhux sempliċiment inawgurazzjoni ta’ bocce pitch imma turija ċara tal-impenn favur l-inklussività anki fl-isport. Mart il-Prim Ministru rringrazzjat għall-appoġġ muri lejn Special Olympics Malta biex l-atleti jkollhom l-aqwa faċilitajiet għat-taħriġ. Fissret kif f’dan il-ġnien sabiħ f’Ħad-Dingli, fejn hemm komunità b’saħħitha, l-atleti ta’ Special Olympics Malta jista’ jkollhom esperjenza pożittiva ferm. Fakkret kif dawn l-atleti huma ambaxxaturi Maltin li qed jagħmlu suċċess anki lil hinn minn xtutna.


Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta’ Ħad-Dingli Raymond Schembri fisser kif 50 sena ilu kien hemm il-viżjoni li jinħoloq dan il-ġnien għall-familji u li permezz ta’ dan l-investiment il-Gvern qiegħed għal darb’oħra jibgħat messaġġ b’saħħtu favur l-inklużjoni.


Flimkien mas-Sindku ta’ Ħad-Dingli, preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-kunsilliera tal-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli.

Sport