Friday, November 15, 2024

INWIEŻNU BIEX INŻOMMU DAK LI HU TAGĦNA

Aqra wkoll

Ġiet fi tmiemha l-akbar wirja agrikola li qatt ittellgħet f’pajjiżna. Wirja organizzata bil-kbir mifruxa fuq tlett ijiem li fiha tista’ tgħid li l-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda Maltin setgħu jesebixxu parti mill-ħidma tagħhom ta’ kuljum biex iwasslulna l-aħjar prodotti. Ninnutaw il-fatt li l-familji Maltin u Għawdxin kienu għatxana għal wirja simili anke minħabba nuqqas tal-wirja tal-Imnarja minħabba l-pandemija. Il-wirja tal-Imnarja dejjem kienet meqjusa bħala l-aktar avveniment agrikolu anke minħabba l-fatt li mhux kulħadd ikollu l-opportunità li jara mill-qrib il-ħidma tal-bdiewa u r-raħħala tagħna. Mhux ta’ kuljum li t-tfal tagħna jkollhom l-opportunità li jaraw u xi drabi anke jmissu mill-qrib annimali li jitrabbew fl-irziezet lokali. Insemmu t-tfal b’mod partikolari, għaliex sa minn ċkunitna dejjem ngħatajna tagħlim dwar l-importanza li nieklu ikel bnin li jgħinna biex nibqgħu b’saħħitna. L-emozzjoni tat-tfal li f’attività bħalma kienet l-AgriFair, dawk preżenti jkollhom l-opportunità li jitgħallmu affarijiet ġodda bħalma hija informazzjoni mogħtija mill-Membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Uffiċjali li jkun qegħdin waqt il-ħidma tagħhom f’dawn l-attivitajiet sikwit imorru oltre u jedukaw lil dawk li juru interess billi anke jkellmuhom dwar ix-xogħol tagħhom u ta’ dan nirringrazzjawhom f’isem il-pubbliku inġenerali.

Sfortunatament hemm riskju li jekk ma noqogħdux attenti jaf nitilfu dan kollu. In-numri jitkellmu waħidhom u minkejja skemi ta’ għajnuna fosthom dik tal-Young Farmers li qiegħda tattira żgħażagħ lejn dan ix-xogħol għad hemm affarijiet li qegħdin igerrxu lin-nies mis-settur.

Għalkemm mhux l-ewwel darba li smajna dwar l-isfidi kbar li jaffaċċjaw in-nies f’dan is-settur, forsi ħafna minna ma jemmnux li fis-snin li ġejjin tista’ tkun diffiċli li nżommu dak li hu tagħna. Numri fl-Unjoni Ewropea kollha kuru li l-età medja tar-raħħala qiegħda tkompli tiżdied u dan jikkonferma li huma dawk li jagħżlu li jibqgħu fis-settur anke wara l-età tal-irtirar li qegħdin iżommuh. Għalkemm inkwetanti, jeħtieġ li l-awtoritajiet Maltin jifhmu minn fejn ġej dan it-tnaqqis biex kemm jista’ jkun nattiraw aktar idejn lejn dan is-settur.

L-elementi, il-ħinijiet twal u tbatijiet oħra huma fost l-aktar li jinkwetaw lil dawn il-bdiewa u r-raħħala tagħna. Iżda meta jitkellmu dwar l-akbar preokupazzjoni tagħhom hija gambetti bla bżonn f’ċirku li sippost jiġbed ħabel wieħed għal ġid komuni. Jitkellmu dwar fondi li jiċċaħdu minnhom intortament fuq żbalji ġenwini. Żball ta’ kaligrafija jew miżinterpretazzjoni ta’ numri jew dati fin-notifika li minħabba fihom jiġu sanzjonati eluf ta’ ewro. It-theddid li jitilfu sussidji li mingħajrhom ċertament ma jkampawx mal-isfida tal-ispejjeż kbar fil-ħidma tagħhom hija weġgħa aktar milli tħassib.

Nemmnu li jekk insaħħu dan is-settur, billi fost l-oħrajn ngħinu lil dawn in-nies u nippromwovu x-xogħol tagħhom, se nkunu qegħdin nibbenefikaw minn garanzija li nibqgħu nsibu l-prodott frisk u lokali. Nemmnu li l-wegħda li dawn in-nies jibqgħu jiġu megħjuna biex l-AgriFair li jmiss tkun waħda ta’ livell superjuri tista’ sseħħ billi l-partijiet kollha f’dan is-settur jiġbdu ħabel wieħed għax fejn hemm l-għaqda hemm is-saħħa… jekk ma jkunx hemm l-għaqda, jkun hemm dgħufija.

Ekonomija

Sport