Thursday, December 26, 2024

INXAMMRU L-KMIEM QABEL L-ILMA

Aqra wkoll

Sal-bieraħ stess tħabbar li Wied Liemu qed jiġi riabilitat b’investiment ta’ €386,000, b’kofinanzjament mill-Fond Agrikolu għall-Iżvilupp Rurali. Wied Liemu jinsab fil-limiti tar-Rabat u jagħmel parti minn fost l-ikbar ilqugħ tal-ilma f’Malta, hekk kif l-ilma tax-xita jgħaddi minn Ħad-Dingli u jispiċċa fis-Salini. Dan żgur li mhuwiex l-uniku proġett li għaddej f’pajjiżna b’rabta mal-immaniġġjar tal-ilma, iżda nemmnu li għadd hemm ħafna xogħol xi jsir qabel jaqleb it-temp jew saħansitra jaħsadna b’maltempata qawwija mill-ewwel.

Ilbieraħ ukoll Malta fakkret 19-il sena minn meta pajjiżna spiċċa b’ħafna rħula mgħarrqin taħt seba’ sigħat ta’ xita kontinwi li ħallew diversi ħsarat infrastrutturali fil-pajjiż. Is-sitwazzjoni tat-tibdil fil-klima xejn mhi tgħin biex nikkontrollaw dawn il-maltempati li mhux qegħdin jaslu bi twissija bħalma konna forsi mdorrijin bihom fil-passat, iżda t-temp donnu qiegħed jitfixkel u xi drabi jaħsad lil diversi żoni madwar id-dinja kollha. Minkejja xi maltempati ħorox, irridu nammettu li s’issa f’pajjiżna għandna għalfejn inqisuna fortunati għall-fatt li dawn l-episodji ftit li xejn jaffettwawna. 

Madanakollu, dak li jkun irid jevita milli kemm jista’ jkun jispiċċa vittma bla bżonn ta’ dawn l-episodji. Ftit tal-ġimgħat ilu, pajjiżna bħal donnu ngħata twissija dwar il-bżonn li l-infrastruttura tiġi mtejba biex tilqa’ għal kwantitajiet ta’ xita li jinżlu bla waqfien. Proprju fil-11 ta’ Awwissu, żoni madwar Malta, b’mod speċjali l-Imrieħel spiċċa mibdul f’xena donna tal-films, b’vetturi mgħarrqa sas-saqaf f’ilmijiet li nġemgħu minħabba nuqqas ta’ pjanar. Għaddew ħames ġimgħat u ż-żmien daħal ġmielu. Il-mistoqsija tiġi waħedha … sar l-istudju li hemm bżonn biex is-sitwazzjoni ma tkunx daqshekk gravi mal-ewwel ħalbiet ta’ xita bil-qliel? Kompla t-tindif tal-ispralli wara xhur ta’ nixfa? 

Sitwazzjoni oħra li tajjeb niġbdu l-attenzjoni tagħha hija l-ġmiel ta’ Wied Qlejgħa u l-abbandun tal-post wara ħsara infrastrutturali li sofra kważi sena ilu. Proprju fl-aħħar ta’ Ottubru qrajna bl-aħbar li ċediet parti mit-triq, liema triq tħalliet magħluqa b’ilqugħ li qiegħed iċaħħad lil dawk li kienu jħobbu jippassiġġaw fiż-żona u jammiraw l-ambjent tal-madwar milli jagħmlu dan.

Il-bdiewa tagħna wkoll jinsabu mħassbin. Minkejja li qed jintefqu l-miljuni f’investiment infrastrutturali, anke b’xogħolijiet f’mogħdijiet f’żoni rurali, ħafna sisien jinsabu fil-periklu li mal-ewwel maltempata qawwija jċedu. Dawn mhux biss jikkawżaw periklu għal dawk li jinzertaw għaddejjin miż-żona, iżda joħolqu konġestjonijiet ta’ traffiku, kif ukoll jistgħu jikkawżaw dannu irreparabbli fejn jidħlu riżorsi bħalma hija l-ħamrija li tieħu bosta snin biex terġa’ tirkupra ladarba tintilef mal-ilmijiet.

Nemmnu li l-apprezzament lejn dawn il-ħaddiema li ta’ kuljum għandhom ikunu inkarigati milli jippreparaw lil pajjiżna għal dawn l-eventwalitajiet imsemmija għandu jiżdied. Dawn il-ħaddiema għandhom ir-responsabbiltà li jippreparaw lil pajjiżna b’tindif adekwat b’tali mod li nevitaw li mal-ewwel ilmijiet ikollna naqilgħu uffiċjali bħalma huma l-pumpiera biex jintervjenu f’sitwazzjonijiet li b’aktar serjetà nistgħu faċilment nevitaw. 

Ekonomija

Sport