Wednesday, May 1, 2024

“Kull donatur għandu responsabbiltà li joffri demm ħieles mill-mard”

Jappella biex aktar persuni jersqu biex ikunu donaturi tad-demm

Aqra wkoll

Ftit tal-jiem ilu, poprju mit-2 ta’ Settembru, irġiel li jipprattikaw sess ma’ rġiel oħra bdew jingħataw iċ-ċans li jagħtu d-demm bħal nies oħra li huma eterosesswali jew lesbjani u f’relazzjoni stabbli. Il-proposta fuq il-manifest elettorali tal-Partit Laburista 668 li kienet tgħid li “wara li titneħħa l-projbizzjoni minn fuq l-għoti tad-demm fuq irġiel omosesswali se naraw li l-parametri li jirregolaw l-għoti tad-demm jiġi ugwali għal kulħadd”. Dan kollu seta’ jseħħ bi proċess gradwali u grazzi għal investiment f’apparat sensittiv li janalizza d-demm u li permezz tiegħu l-pazjenti jkunu jistgħu jirċievu demm meqjus bħala sigur u ħieles mill-mard.

Iżda minkejja din l-aħbar li fiha nnifisha hija xi ħaġa pożittiva, iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm dejjem saħaq dwar il-bżonn li ma’ kull donazzjoni tiġi mħarsa s-saħħa tad-donatur kif ukoll tal-pazjent. Dan is-sit tkellem ma’ Tony Micallef; il-persuna li flimkien ma’ kollegi oħra jieħdu ħsieb l-marketing fl-ispettru wiesgħa tal-midja, il-customer care, kif ukoll b’mod ġenerali r-reklutaġġ u ż-żamma tad-donaturi tad-demm.

Lil Micallef staqsejnih dwar kemm ilhom għaddejjin id-diskussjonijiet biex din l-emenda setgħet tidħol fis-seħħ. Spjegalna li dan kien proċess li kien ilu għaddej diversi snin, bi pjan ta’ bidla gradwali. Fil-fatt ftit tas-snin ilu kull min xi darba jew oħra kellu relazzjoni sesswali raġel ma’ raġel ma seta’ jagħti demm qatt. Imbagħad fl-2019 kienet saret l-ewwel bidla, dik li min xi darba jew oħra kellu relazzjoni sesswali raġel ma’ raġel seta’ jagħti demm jekk ikun ilu sena ċelebi.

F’intervista riċenti ma’ dan il-ġurnal, kollegi ta’ Micallef saħqu magħna dwar il-ħtieġa li nipproteġu lid-donatur u lill-pazjenti. Ovjament kull donatur għandu jkun responsabbli fil-ħajja sesswali tiegħu jekk kemm-il darba jagħżel li jagħti donazzjonijiet ta’ demm. Staqsejna lil Micallef kemm hu importanti li d-donatur jifhem din ir-responsabbiltà u x’inhuma r-riskji jekk dak li jkun jonqos milli jkun responsabbli. “Ir-responsabbiltà hi kbira ħafna, mhux biss fejn tidħol il-ħajja sesswali, iżda l-istil ta’ ħajja kollha kemm hi, anke fir-rigward tal-istat ta’ saħħa u episodji riċenti ta’ infezzjonijiet, fosthom avvelenament tal-ikel, kif ukoll safar f’pajjiżi ċerti żoni tad-dinja”, beda biex jispjega magħna.

Kompla biex jgħid li importanti ħafna li d-donatur ikun sinċier u jgħid il-verità mal-istaff, partikolarment mat-tobba tas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm. Jekk siefer irid jgħidilhom fejn mar. Jekk kellu avvelenament tal-ikel (food poisoning) fl-aħħar erba’ ġimgħat irid jinfurmahom ukoll. Naturalment l-istil ta’ ħajja inġenarali tinteressahom ukoll. L-ebda donatur u fl-ebda ċirkustanza ma jista’ jaħseb jew jirraġuna li d-demm dejjem jiġi ttestjat.  Minkejja li huwa fatt li d-demm dejjem jiġi ittestjat, u attwalment anke bit-test avvanzat tan-NAT (Nucleic acid Testing), dan ma jiġix ittestajt għal mard u l-infezzjonijiet kollha. Stqarr jgħidilna li dan impossibbli li jsir. Imbagħad hemm riskju ieħor marbut ma dik li tissejjaħ window period, fejn testijiet tad-demm speċifiċi jistgħu ma jidentifikawx il-mikrobi fid-demm, dan għax il-perjodu ta’ meta wieħed ikun ħa r-riskju fuqu, u possibbilment ġie infettat, b’virus bħalma huma l-HIV jew l-epatitè, jkun qasir wisq. “Għaldaqstant is-sinċerità hi kardinali, u min jersaq biex jagħti d-demm irid jagħmel dan b’għan wieħed u preċiż, dak li jgħin lill-marid. Hawn wieħed irid jisħaq li l-pazjent għandu dritt li jirċievi d-demm fil-ħin, iżda importanti iktar minn hekk hu li jirċevih ħieles mill-mard.

Rigward jekk teżistix xi statistika ta’ xi kemm kienu dawk il-persuni gay li resqu biex jagħtu l-ewwel donazzjoni tagħhom minn meta daħlet fis-seħħ din l-emenda, Micallef qalilna li diffiċli li tikkwantifika kif kien ir-rispons, iżda huwa fatt li għadd ta’ peruni gay u li kienu ilhom tal-inqas erba’ xhur f’relazzjoni stabbli resqu biex jagħtu d-demm. Dan jawgura tajjeb għal persuni oħra gay li għandhom relazzjoni stabbli u li qed jitħajru jagħmlu dan il-pass huma wkoll.

Finalment staqsejnih rigward kemm jemmen li din id-deċiżjoni se tgħin biex jonqos ir-riskju li pajjiżna jinqabad mingħajr provvista ta’ demm, Micallef qal li għalkemm diffiċli tikkwantifika l-impatt pożittiv li se ġġib magħha din l-emenda, li hu żgur hu li  kull borża demm ħielsa mill-mard tagħmel differenza fil-ħajja tal-marid u l-korrut. “Anzi biex ngħidu kollox taf tkun id-differenza bejn ħajja u mewt!”, temm jgħidilna.

Fi tmiem din il-ġimgħa wieħed jista’ jagħti d-demm fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ G’Manġa, disponibbli sebat ijiem fil-ġimgħa (Is-Sibt u l-Ħadd inklużi) mit-8:00 a.m sas-6:00 p.m. Il-Ħadd li ġej wieħed jista’ jagħti d-demm ukoll fil-mobile blood donation unit fil-Pjazza ta’ quddiem il-Knisja Arċipretali tal-Mellieħa mit-8:30 a.m sas-1:00 p.m. Il-karta tal-identità u l-maskra huma meħtieġa.

Sport