Tuesday, February 4, 2025

IPPJANAR VERSUS VIŻJONI

Aqra wkoll

L-użu tal-kelma viżjoni biex infissru x’irridu nwettqu fil-futur mhiex utli. X’aktarx tintuża biex il-kelma “pjan” tiġi evitata. Tal-aħħar tilfet ħafna mill-attrazzjoni tagħha matul is-snin li ilna nfaħħru s-superjorità tas-suq “ħieles” għax fil-kompetizzjoni ekonomika bejn l-impriżi jwassal għall-aqwa riżultati. L-ebda pjan ma jikseb riżultati hekk – dak hu t-twemmin.

Xorta baqgħet il-ħtieġa ta’ tħejjija għall-futur biex jinżamm u jitkabbar dak li jkun diġà nkiseb. L-impriżi privati baqgħu jagħmlu dan, taħt il-kappa ta’ x’sejħu “strateġija”, “policy tan-negozju” jew termini oħra. Fis-settur publiku, minflok pjan daħlet il-kelma viżjoni… għalkemm dan l-aħħar il-Kummissjoni Ewropea nqdiet ukoll bil-kelma “kumpass”.

Pjan jinvolvi mhux biss l-issettjar tal-miri u tal-proġetti li bihom se jintlaħqu. Jirrekjedi wkoll li jiġu identifikati l-mezzi finanzjarji u oħrajn meħtieġa, minn fejn se jinġabu u kif se jintużaw, waqt li tinżamm koerenza sħiħa ma’ pjani u proġetti oħra li jridu jitħaddmu. Jiġri l-istess f’viżjoni/kumpass?

BIDLIET SOĊJALI 

Il-bidliet soċjali dejjem kienu fattur fil-ħajja tal-komunitajiet umani b’reazzjoni għal żviluppi f’kif jinżammu r-relazzjonijiet, il-ħiliet ekonomiċi u teknoloġiċi u ż-żieda fil-popolazzjoni fost oħrajn. Il-maġġoranza tal-bnedmin urew matul is-sekli ħila tal-għaġeb biex jaddattaw ruħhom u jirranġaw il-mod ta’ għajxien tagħhom skond il-progress fil-bidliet soċjali.

Li issa qed isir ċar ħafna hu kif fl-aħħar deċennji, ir-rata li biha l-bidla qed isir aċċellerat għal livell li qatt ma ntlaħaq qabel. Il-wasla tal-internet bil-kisbiet ġodda li daħħal fil-mod kif in-nies tirrelata man-nies x’aktarx li kienet l-aqwa kawża f’din il-bidla, imma żgur mhux l-unika waħda. Biss illum, il-mistoqsija tista’ titpoġġa dwar jekk hijiex qed tintilef il-ħila ta’ addattament mill-komunitajiet tal-bniedem quddiem bidliet soċjali kbar li qed iseħħu.

Talanqas sar diffiċli taqbel li l-addattament għadu qed ikun faċli daqs qabel. 

MEZZI U GĦANIJIET

 Dejjem niftakarha tinqala’ din id-disputa dwar jekk biex jintlaħqu ċerti għanijiet huwiex sew li ninqdew b’mezzi dibattibbli. Mhux l-anqas, fost il-Kattoliċi fejn dejjem kont nikkonfondi b’li nisma’. Minn naħa kien jintqal, li qatt ma tista’ tiġġustifika l-użu ta’ meżżi diskutibbli biex tilħaq għanijiet nobbli. U min-naħa l-oħra, kien jintqal bil-maqlub, u jissemmew (forsi abużivament) il-Ġiżwiti bħala esponenti ta’ din id-dutrina.

Ftakart f’hekk meta nnotajt kif fl-aħħar elezzjonijiet presidenzjali fl-Amerika, il-Kattoliċi ġew imħeġġa jivvotaw għal Trump, meta tul ħajtu sal-lum, ftit ta kas ta’ normi ta’ imġiba li l-Kattoliċi jqisu bħala rispettabbli. Xorta maġġoranza minnhom għażlet li tivvotalu. Dan għax appoġġja pożizzjonijiet li ħadet il-Knisja Kattolika, mhux l-anqas dwar l-abort. F’dal-każ ċertament, ma kienx jimporta l-mezz, l-aqwa l-fini.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport