Friday, December 20, 2024

Ippreżentati l-artisti u l-programm uffiċjali għal EuroPride Valletta 2023

Il-qofol ta’ vjaġġ li għamel pajjiżna fl-aħħar snin

Aqra wkoll

F’Settembru li ġej, il-poplu Malti u Għawdxi se jgħix għaxart ijiem ta’ ċelebrazzjoni u spettaklu, iżda wkoll ta’ ħidma u impenn. Il-Belt Valletta u l-bqija tal-gżejjer Maltin se jittrasformaw ruħhom f’qawsalla ta’ diversità.

Il-programm uffiċjali ta’ EuroPride Valletta 2023 ġie ppreżentat waqt attività fi Pjazza Kastilja li għaliha kienu preżenti rappreżentanti tal-komunità LGBTIQ+, artisti u voluntiera li flimkien qed iħejju għal manifestazzjoni Ewropea ta’ ugwaljanza li se ssir f’pajjiżna bejn is-7 u s-17 ta’ Settembru li ġej.

EuroPride Valletta 2023 se toħloq diskussjonijiet u tixpruna ideat, b’dibattiti fuq temi differenti maċ-ċittadini Maltin u barranin. Fost oħrajn, fit-8 ta’ Settembru se jittella’ djalogu mas-soċjetà mmexxi mill-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza, Helena Dalli. Taħditiet oħra se jsiru f’laqgħat organizzati mill-għaqdiet fis-settur fosthom MGRM, Drachma u Drachma Parents, LGBTI Gozo, mill-General Workers Union u mill-Kamra tal-Kummerċ. Id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem ser jorganizza konferenza bil-għan li jinbnew rabtiet iktar b’saħħithom fil-Mediterran favur iktar drittijiet LGBTIQ.

EuroPride Valletta 2023 se ġġib magħha wkoll spettaklu kbir, bla ħlas. Il-ftuħ uffiċjali se jsir fil-Pride Village fi Pjazza Tritoni u jinfirex mal-Belt Valletta kollha, fejn tagħlaq il-kantawtriċi u mużiċista Iżraeljana Netta, rebbieħa tal-Eurovision Song Contest fl-2018.

Kull filgħaxija, fi Pjazza Tritoni, se jittellgħu kunċerti minn diversi artisti lokali u barranin. Fosthom Eurovision Night bil-parteċipazzjoni ta’ Conchita mill-Awstrija, Katrina and The Waves mill-Ingilterra, ir-rock band mill-Litwanja The Roop, u magħhom Chiara, Fabrizio Faniello, Claudia Faniello u ħafna oħrajn.

Se jsiru wkoll kunċerti minn Aiden, minn Glenn u Amber u mill-MGRM bit-tema Women’s Space, kif ukoll tribute shows ta’ Beyone, Lady Gaga u Cher, u spettaklu minn Kor Kwir – l-ewwel kor tal-komunità LGBTIQ f’pajjiżna.

Fid-9 ta’ Settembru, wara l-Pride March f’Ghawdex, se jittella’ kunċert bi produzzjoni ta’ Glen Vella u bis-sehem tal-Versatile Brass Band flimkien ma’ 20 kantant. U f’Malta, wara l-Pride March fis-16 ta’ Settembru, fost l-ikbar kunċerti li qatt kellu pajjiżna fl-aħħar snin, bi spettaklu mill-kantawtriċi Amerikana Christina Aguilera.

EuroPride Valletta 2023 se jkollha wkoll element b’saħħtu ta’ arti u ta’ kultura. Id-direttur artistiku Toni Attard spjega li l-viżjoni kienet li jitwassal programm ta’ diversità artistika mill-komunità u għall-komunità. Fosthom Coco’s Klabb Kabaret, MalTease – the Queerlesque edition, films differenti fiċ-Ċinema ta’ Spazju Kreattiv, u mużika klassika minn kompożituri kwir f’kunċert mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta fit-Teatru Manoel.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg qalet li l-gvern qed iħares lejn EuroPride bi kburija. Hija tenniet li “Sitt snin ilu konna fi Pjazza Kastilja niċċelebraw id-dħul taż-żwieġ indaqs. Dakinhar ħadd ma kien joħlom li Malta se tavvanza daqstant u tasal biex tospita l-EuroPride. Żgur li Malta li trabbejt fiha jien hija differenti minn Malta tal-lum”.

Qalet li l-kisbiet ta’ pajjiżna mhux biss irridu niċċelebrawhom, iżda rridu naqdfu kuljum biex ma jreġġagħhom lura ħadd. Sostniet li Malta tista’ sservi ta’ eżempju għal pajjiżi oħrajn. Hija temmet b’appell, “Għamilna ħafna, pajjiżna issa għandu qafas regolatorju, għalhekk tħalli lil ħadd qatt iġiegħlek tħossok skomdu miegħek innifsek jew ma’ sħabek”.

Min-naħa tagħha, il-President tal-Allied Rainbow Communities Maria Azzopardi qalet li l-EuroPride kienet ħolma li saret realtà u kibret ħafna iktar minn dak li qatt stennew. Sostniet li din iċ-ċelebrazzjoni se tkun opportunità biex nuru lill-bqija tad-dinja kemm tista’ ġġib valur l-introduzzjoni tal-ugwaljanza.

“Il-ġlieda tagħna għall-ugwaljanza dejjem kienet immexxija minn ħaġa waħda: qalbna; l-imħabba tagħna għalina nfusna, l-imħabba tagħna għal dawk il-persuni li nagħżlu li nqattgħu ħajjitna magħhom, il-familji tagħna, il-ħbieb tagħna, il-komunità tagħna u mhux b’inqas pajjiżna,” qalet Maria Azzopardi.

Ekonomija

Sport